F’Quddies f’Jum il-Forzi Armati ta’ Malta fil-ħamsin sena mit-twaqqif ta’ din il-forza dixxiplinarja f’pajjiżna, l-Arċisqof Charles Scicluna talab għall-membri kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof tkellem fuq l-imħabba. Qal li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta huma xhieda li kollox huwa mibni u mfassal fuq l-imħabba.
L-Arċisqof Scicluna stqarr, “Liem hi l-aqwa liġi? Fuq liema liġi jinbnew il-liġijiet kollha? U Ġesù jwieġeb – biex niġbru kollox f’kelma waħda – bil-kelma mħabba.”
Lis-suldati preżenti qalilhom li lkoll jaffaċċjaw mumenti fejn l-ubbidjenza tagħhom tfisser att ta’ mħabba lejn il-pajjiż, id-demokrazija u d-dinjità ta’ kull persuna.
Qalilhom ukoll li huwa kburi bihom li jiddedikaw u jirriskjaw ħajjithom f’missjonijiet ta’ salvataġġ għas-sigurezza tal-pajjiż.
Dan għaliex bil-ħidma iebsa tagħhom, jiggarantixxu s-sigurtà fl-ibħra territorjali Maltin u jkunu ta’ servizz għal min ikun maqbud bejn sema u ilma.
“Intom tkunu ta’ servizz għall-umanità u xhieda li dak kollu li nagħmlu huwa mibni fuq l-imħabba għaliex l-imħabba vera ma tħarisx lejn uċuh.” Sostna l-Arċisqof.
L-Arċisqof innota li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jkunu tal-ewwel li jxammru l-kmiem biex ikunu ta’ għajnuna għal dawk li jkollhom ħajjithom f’periklu.
Huwa temm l-omelija tiegħu billi sellem u talab għall-qraba tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, li jafu li hemm ir-riskju għax fi kliemu huma “l-kustodji tas-sigurezza tagħna”.