– madwar €242 miljun investiment fl-infrasfruttura, sigurtà, xogħol, ħiliet, u livell ta’ għixien f’Malta
Malta laħqet il-miri finanzjarji taħt ir-regola tal-N+3 tal-fondi Ewropej fil-kuntest tal-programm ta’ fondi 2014-2020. Dan laħqitu fl-aħħar ta’ Diċembru 2018.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li l-miri kumulattivi taħt il-programmi tal-fondi Ewropej intlaħqu kollha. Malta investiet total ta’ madwar €242 miljun, u l-immaniġjar għaqli tal-fondi Ewropej illum huwa parti mis-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna.
Dan ifisser li Malta investiet il-fondi kollha allokati għaliha fil-ħin, u mhux se tkun qed tibgħat ebda fondi lura, hekk kif jistipula l-prinċipju ta’ automatic decommitment.
Skont dan il-prinċipju tal-Kummisjoni Ewropea, jekk ikun hemm fondi kommessi għal programm li ma jintefqux sal-iskadenzi stabbiliti f’dan il-programm, dawn il-fondi jintilfu u jintbgħatu lura.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li din il-kisba se tkun qed tpoġġi it-tim ta’ negozjaturi Maltin f’pożizzjoni ferm iktar b’saħħitha sabiex niksbu ‘a fair deal’ fil-Multiannual Financial Framework (MFF) li jmiss, liema negozjati għandhom jagħlqu lejn l-aħħar tal-ħarifa dis-sena.
Il-programmi li għalihom intlaħqu t-targets kumulattivi finanzjarji jinkludu il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali (€104.8 miljun), il-Fond Soċjali Ewropew (€33.8 miljun), il-Fond ta’ Koeżjoni (€65 miljun), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (€20.9 miljun), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (€5.9 miljun), il-Fond għas-Sigurtà Interna (tal-Fruntieri) (€5.3 miljun), il-Fond għas-Sigurtà Interna (Pulizija) (€2.1 miljun), u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (€3.4 miljun).
Farrugia spjega li s-sena 2018 kienet waħda diffiċli għall-implementazzjoni tal-fondi Ewropej, iżda minkejja dan, Malta laħqet il-miri kollha tagħha mil-bidu tal-programm sa l-aħħar tas-sena li għaddiet.
Proġetti fl-infrastruttura jinkludu l-Kappara Junction, il-Marsa Junction Super Structures, Marsa-Hamrun Bypass, investiment sinifikati fl-infrastruttura tal-ilma, ir-Riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel tal-Belt, u l-estenzjoni tax-Xewkija Industrial Park f’Għawdex.
Il-ftuħ riċenti tal-Mużew kontemporanju ġdid MUŻA huwa investiment ieħor. Proġetti li jikontribwixxu għat-titjib tal-livell ta’ għejxien jinkludu kreazzjoni u riabilitazzjoni ta’ housing units, kif ukoll l-MCAST Campus Master Plan.
‘Soft funds’ intużaw għall-iżvilupp ta’ tagħrif, ħiliet, u kompetenzi ta’ livelli varji tal-popolazzjoni permezz ta’ proġetti bħal One Tablet Per Child, ‘Access to Employment’ għan-nies vulnerabbli u l-iskema tal-ENDEAVOUR Scholarships.
Fis-sigurtà, saret l-ordni għall-patrol vessel ġdida, kif ukoll xiri ta’ software għat-twaqqif tal-Passenger Name Record System fost oħrajn.
L-iżvilupp tal-breakwater tal-Marsaxlokk, proġett ta’ taħriġ, u numru ta’ skemi differenti se jkomplu jtejbu x-xogħol u l-għejxien tas-sajjieda. Miljuni ta’ ewro ġew investiti għall-benefiċju tal-bdiewa u s-settur tal-agrikoltura, inkluż il-modernizzar tal-irziezet, xiri ta’ għodda, f’riġenerazzjoni ta’ toroq rurali u ħitan tas-sejjieħ, proġetti biex isaħħu organic practices, u għajnuna diretta għal bdiewa żgħażagħ.