Wara tletin sena, l-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mistennija jaraw titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u drittijiet tagħhom hekk kif il-Gvern laħaq ftehim li se jwassal għal ftehim kollettiv ġdid.
Qal, “B’dan se nkunu qegħdin nagħlqu ċiklu storiku lill-ħaddiema tal-Forzi tal-Ordni. Iva, fil-ġimgħa ta’ Jum il-Ħaddiem sħabna l-ħaddiema tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ukoll se jieħdu kundizzjonijiet aħjar u aktar b’saħħithom”
Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel lill-Forzi tal-Ordni kollha flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.
Dr Abela fakkar ukoll li l-Gvern għamel passi kbar fejn jidħlu l-Forzi Dixxiplinati fejn issa wassal lill-korpi dixxiplinati kollha lejn ġimgħa ta’ erbgħin siegħa, dritt għal sħubija f’unjin, ftehmiet kollettivi ġodda u għandhom ukoll polza tal-assigurazzjoni f’każ ta’ korriment.
Fil-preżenza ta’ rappreżentanti mill-forzi tal-ordni kollha, l-Ministru għall-Intern spjega li b’dan il-ftehim, li mistenni jiġi ffirmat fil-jiem li ġejjin il-ħaddiema korrettivi mistennija jieħdu bejniethom pakkett ta’ tliet miljun ewro.
Spjega, “Matul din is-sena biss dan il-Gvern se jinvesti 15-il miljun ewro fi kważi 5,000 ħaddiem tal-korpi dixxiplinati. Fi żmien diffiċli ta’ pandemija bħala Gvern m’għażilniex li mmorru għal awsterità.”
Il-Ministru Camilleri sostna li l-ħaddiema ma ħaqqhomx proset u grazzi biss u tenna li l-grazzi tingħata wkoll bl-investiment fihom u kundizzjonijiet aħjar.
Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar qal li fil-passat il-Forzi dixxiplinati kienu meqjusa bħala klassi ta’ nies għalihom. Ma kinux meqjusa parti mill-klassi tal-ħaddiema. Fakkar li kellhom kundizzjonijiet differenti ta’ xogħol b’pakketti ta’ salarji u kundizzjonijiet li ma ġew rranġati qatt.
Qal, “Kull ħaddiem jista’ jinnegozja l-kundizzjonijiet tax-xogħol huwa dritt fundamentali u dan id-dritt illum qed jinagħta”
Is-Sur Cutajar għalaq billi tenna li huwa dritt li ħaddiem jinnegozja l-kundizzjonijiet tiegħu u li dan huwa l-kunċett tal-Gvern li apparti li jħares lejn in-nies, iħares ukoll lejn l-individwu.