Wara jiem twal ta’ taħditiet, tħabbar li l-Gvern u l-Union tal-Għalliema, l-MUT laħqu ftehim dwar pakkett finanzjarju ġdid għall-għalliema u l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knsija.
One News jinsab informat li l-ftehim li ntlaħaq dalgħodu wara laqgħa oħra ta’ konċiljazzjoni, se jwassal għal żidiet ta’ aktar minn għoxrin fil-mija għall-għalliema u l-edukaturi fl-iskejjel.
B’reazzjoni, l-Union tal-Għalliema rtirat madwar ħamsin direttiva ta’ azzjonijiet industrijali u l-istrajk li kien ippjanat għall-Erbgħa li ġej.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ta ħajr lil kull min għen biex intlaħaq ftehim fuq il-pakkett finanzjarju. Huwa qal li permezz ta’ dan il-ftehim se tinfetaħ paġna ġdida fl-edukazzjoni għall-ġid ta’ wliedna u ta’ pajjiżna.
Tul id-diskussjonijiet, il-Ministru Bartolo qal li l-għalliema għandhom raġun jitolbu ħlas aħjar għax professjonijiet oħra kważi rdoppjaw l-allowances tagħhom fi 12-il sena filwaqt li l-għalliema bil-kemm iċċaqalqu.
Il-Ministru Bartolo qal li l-Gvern ried jassigura li l-professjoni tal-għalliem titpoġġa fuq sisien aktar sodi u li aktar għalliema javvanzaw u jiġu ppremjati finanzjarjament filwaqt li jibqgħu jgħallmu fil-klassi.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat irreaġixxa għal dan il-ftehim fejn qal li sar ftehim storiku li hu sinifikanti fejn se jtejjeb is-salarji tal-għalliema u kif ukoll il-kundizzjonijiet.
As pledged in our manifesto, we struck a historic deal to significantly improve teachers’ salaries and conditions. So much for naysayers!-JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) November 6, 2017