“Matul din il-kampanja ltqajt m’eluf ta’ Laburisti li smajthom u li mingħandhom tgħallimt ħafna. Tgħallimt li jridu l-kontinwità biex inkomplu niksbu s-suċċessi kif għamilna fl-aħħar snin. Li jridu l-għaqda għax meta konna magħqudin erbaħna waqt li tlifna meta konna mifrudin. Tgħallimt li għalhekk il-Laburisti jridu Partit wieħed, Grupp Parlamentari wieħed, Kabinett wieħed u Gvern wieħed biex fl-2022 nerġgħu nerbħu u nibqgħu nerbħu.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fi tmiem il-kampanja tiegħu fl-elezzjoni għal Mexxej tal-Partit Laburista. Kampanja li matulha fisser il-viżjoni tiegħu għal pajjiż fejn kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja tajba. Viżjoni ta’ Gvern Laburista li jieħu ħsieb liż-żgħir. Gvern li jara li l-liġijiet japplikaw l-istess għal kulħadd f’pajjiż dixxiplinat li jagħmilna kburin li aħna Maltin.
Fearne tenna li fil-pajjiż hawn biżżejjed ġid biex ma jkunx hawn tfal fil-faqar, biex kulħadd ikun sinjur żgħir. Biżżejjed ġid biex ma jkollniex nies f’diffikultà għax ma jlaħħqux mal-kera, morda li ma jkunux jifilħu jixtru l-mediċini, jew pensjonanti li ma jkollhomx biex jixtru rigal lin-neputijiet tagħhom.
Għalhekk twaqqaf il-Partit Laburista u għalhekk qiegħed noffri li nservi bħala Prim Ministru, żied Chris Fearne. “Dawn huma l-affarijiet li rridu nindirizzaw u li nistgħu nindirizzaw flimkien.”
Dr Fearne stqarr: “Intkom il-qalb tħabbat tal-Partit Laburista. Jiena ċert li ħa tkomplu tkunu magħna biex fil-ġimgħat, fix-xhur u fis-snin li ġejjin inkomplu nibnu pajjiż ħanin, pajjiż sinjur, pajjiż illi huwa l-għira ta’ kulħadd. Għax jien Kburi li jien Malti. Kburi li Jien Laburist.”