Il-Fondazzjoni Inspire qed tistieden lil kull min iħobb in-Nutella, tfal u familji f’Malta, għall-akbar attività ta’ ġbir ta’ fondi tagħha matul is-sena – l-Inspire Fest, sponserjata minn Nutella.
Din l-attività fuq tlett ijiem ser tkun organizzata bejn il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju u l-Ħadd 22 ta’ Mejju, fid-Ditch tal-Imdina. Matul it-tlett ijiem kull min jattendi ser ikollu ċ-ċans jipparteċipa f’żona ta’ divertiment għall-familja kollha, faċilità ta’ park and ride, u diversi attivitajiet ta’ divertiment. Nhar il-Ġimgħa u s-Sibt l-attività tibda fis-6:00 ta’ filgħaxija, filwaqt li l-Ħadd tkun miftuħa bejn l-10:00 ta’ filgħodu u s-6:00 ta’ filgħaxija.
Kull min iżur din l-attività, li hija sponserjata minn Nutella, l-ispread Taljana magħmula mill-ġellewż, manifatturata mill-Ferrero, ser ikun jista’ jduq diversi prodotti li jinkludu fihom in-Nutella, ippreparati minn chefs lokali. Huma ser ikunu jistgħu jixtru wkoll diversi prodotti magħmula bin-Nutella.
L-Inspire Fest ser toffri wkoll divertiment u attrazzjonijiet għall-familja kollha. Ser ikun hemm ukoll ħafna divertiment mużikali. Id-dħul huwa mingħajr ħlas, iżda l-pubbliku huwa mħeġġeġ li joffri donazzjonijiet għall-Fondazzjoni Inspire.
L-Inspire temmen li kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Il-missjoni tagħha hi li tipprova tgħin lil kull min għandu diżabilità biex jikseb dan, billi tipprovdi lill-individwi u lill-familjari tagħhom b’servizzi ta’ edukazzjoni, terapija u divertiment.
L-Inspire Fest tnediet dalgħodu matul attività sponserjata minn Nutella – Buongiorno con Nutella.
Din inżammet fi Triq Bisazza f’Tas-Sliema, fejn kull min attenda kellu ċ-ċans jiekol kolazzjon bin-Nutella, mingħajr ħlas. Is-sindku ta’ Tas-Sliema attenda Buongiorno con Nutella, u huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi l-Inspire Fest mhux biss għax din hi opportunità ta’ ħarġa divertenti għall-familja u biex wieħed iduq prodott tant tajjeb bħan-Nutella, iżda wkoll biex jikkontribwixxu għall-kawża tal-Inspire, li tgħin lil individwi b’diversi diżabilitajiet li jvarjaw minn Down syndrome, Awtiżmu, Cerebral Palsy u oħrajn. L-Inspire tagħmel dan permezz ta’ diversi servizzi u programmi għall-persuni b’diżabilità, li huma offruti b’rata tassew sussidjata u f’ċerti każijiet anke mingħajr ħlas.