“Inti kont l-eroj tiegħi għal dawn is-snin kollha, issa sirt l-anġlu tiegħu għal ħajti kollha, inħobbok papa’.”
Il-mewt ta’ John Zahra, missier ta’ 37 sena li lbieraħ instab mgħerreq fil-vettura tiegħu f’Marsaxlokk, kien ta’ xokk għal bosta. Familjari u ħbieb tal-vittma esprimew id-dieqa tagħhom għal din l-aħbar fuq is-sit soċjali facebook, iżda r-ritratt u l-kliem ta’ bintu serqu l-attenzjoni, hekk kif hija tilfet il-missier għażiż tagħha. Huwa mifhum li Zahra kien ilu nieqes għal jumejn u lbieraħ ntlemħet il-vettura tiegħu f’qiegħ il-baħar.
Lil John Zahra kienu jsibuh bħala n-Nejja u l-kummenti dwaru mill-qraba u l-ħbieb kienu pożittivi ferm, b’bosta jistqarru li se jkunu qed iħossu din it-telfa għal ħajjithom kollha.
Kien għall-ħabta tas-14:00, il-Ġimgħa meta l-Pulizija, assistiti mill-bugħaddasa tal-Forzi Armati ta’ Malta għamlu spezzjoni taħt il-baħar ħdejn il-pont, fl-inħawi magħrufa bħala tal-Magħluq f’Marsaxlokk fejn għamlu sejba ta’ katavru ta’ raġel li kien mgħerreq flimkien ma’ vettura. Dan sar, wara informazzjoni li seta’ kien hemm xi vettura fil-baħar.
Wara din l-ispezzjoni, fil-fatt irriżulta, li fil-baħar, kien hemm vettura tat-tip Toyota Landcruiser li fiha kien hemm il-katavru ta’ John Zahra residenti B’Bugia.
Il-vettura ttellgħet mill-baħar permezz ta’ crane li nġieb fuq il-post u għadha qiegħda tinżamm sabiex isiru aktar investigazzjonijiet. Filwaqt li l-katavru tar-raġel ittieħed fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei permezz ta’ hearse.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Ghassa Dr G Mercieca LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin sabiex tiġi stabbilita d-dinamika tal-każ.