Infrastruttura Malta għażlet żewġ artisti u żewġ ditti tal-arkitettura minn Malta, Ċipru u r-Rumanija sabiex jagħmlu erba’ xogħlijiet artistiċi kbar għaż-żoni bis-siġar u passaġġi madwar il-flyovers tal-Marsa Junction Project.
Ix-xogħlijiet artistiċi li ġew magħżula minn kompetizzjoni tal-arti pubblika tal-Marsa Junction Project huma: The Creation of Man, ta’ Haak Studio, ditta tal-arkitettura bbażata fi Cluj-Napocia, r-Rumanija, Tisliba, taċ-ċeramista mwieled Għawdex Paul Haber, Sema ta’ I+A Limited, grupp ta’ periti, artisti u teknoloġisti minn Malta u Tipping Point, ta’ Alex Welch, artist minn Limassol, Ċipru.
Id-disinji ta’ dawn ix-xogħlijiet artistiċi ntgħażlu minn fost 56 proposta li Infrastrutura Malta rċeviet wara li ħarġet sejħa internazzjonali b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, f’Marzu li għadda. B’kollox kien hemm 36 parteċipant minn Malta u sitt pajjiżi oħra, inkluż Ċipru, l-Italja, r-Rumanija, Spanja, l-Istati Uniti u l-Veneżwela, li daħlu għal din il-kompetizzjoni bi proposta waħda jew aktar.
Dawn ix-xogħlijiet artistiċi ġew magħżula minn kumitat tal-għażla li huwa magħmul minn esperti tal-arti u persuni oħra konċernati.
Minbarra l-erba’ xogħlijiet artistiċi magħżula għall-Marsa Junction Project, il-kumitat tal-għażla kklassifika 12-il proposta oħra li laħqu l-livell meħtieġ biex Infrastruttura Malta tkun tista’ tikkunsidrahom għal żoni oħrajn ta’ tisbiħ.