Fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni taż-żewġ Libjani mixlija bil-ħtif tal-ajruplan tal-Afriqyah Airlines jumejn qabel il-Milied li għadda. Suldat li arresta lill-akkużati Moussa Shah Soko u Ali Ahmed Saleh mill-belt ta’ Sebha fil-Libja spjega li huwa għaraf il-pirati tal-ajru billi dawn għollew idejhom.
“Hekk kif kienu se jagħtu ruħhom b’idejhom, il-pirati tal-ajru niżlu mal-membri tal-ekwipaġġ li baqgħu fuq l-ajruplan anki wara li nħelsu l-passiġieri miżmuma ostaġġi għal ftit sigħat”, stqarr membru ieħor tal-forzi armati ta’ Malta.
Intqal ukoll li wara li l-akkużati ġew arrestati nżammu taħt sorveljanza stretta filwaqt li grupp ieħor ta’ suldati telgħu fuq l-ajruplan biex jagħmlu tfittxija intensiva. Fix-xhieda ta’ dawn is-suldati ntqal li l-ajruplan kien vojt u fil-pusses ta’ wieħed mill-akkużati nstabu xi flus u telefon ċellulari.
Intant fil-bidu tas-smigħ fil-Qorti nqalgħet ftit konfużjoni wara li żewġ avukati kienu se jidhru għall-istess akkużat. Filwaqt li Patrick Valentino tqabbad mill-Maġistrat biex jagħti għajnuna legali, Martin Fenech deher bħala avukat difensur wara li ntbagħat mill-aġenzija tal-għajnuna legali.
Fid-dawl li l-akkużat ma talabx għall-bidla fl-avukat tiegħu, il-Qorti wriet id-diżappunt tagħha għan-nuqqas ta’ rispett peress li l-aġenzija tal-għajnuna legali qabdet u iddeċidiet minn jeddha lil min tibgħat bħala avukat difensur. Għalhekk intqal li l-avukat Valentino għandu jibqa’ jidher għall-akkużat.