“Bilfors kellna nagħtu prijorità lis-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Hekk iddikjara l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE fl-Għid.
Il-Prim Ministru Abela qal dan b’rabta mad-deċiżjonijiet li l-Kabinett ħa din il-ġimgħa fejn b’mod unanimu ddeċieda li ma jidħlux f’pajjiżna bastimenti ta’ għaqdiet mhux governattivi jew dawk li ma jtajjru l-ebda bandiera. Dr Abela fisser kif dawn id-deċiżjonijiet ma’ ttieħdux fuq bażi razzjali.
“Din m’hijiex xi deċiżjoni li ttieħdet abbażi ta’ deċiżjoni li għandha xi motivazzjoni razzjali. Dik hija indubitata u għalhekk nikkundanna u niddisapprova kwalunkwe kliem li seta’ ingħad li jista’ jqajjem sentiment razzjali.”
Il-Prim Ministru elenka miżuri fejn fihom ġie ristrett l-ivjaġġar kemm għall-Maltin f’pajjiżna u anke għal turisti li jixtiequ jivjaġġaw lejn pajjiżna.
“Din hija miżuri li għamilna ma’ kull min ġej lejn Malta mid-dinja kollha. Jekk hux ġej mill-Awstralja, jekk hux ġej mill-Amerika, jekk hux ġej mill-Italja, jekk hux ġej mill-Ingilterra. Kellna ristrezzjonijiet anke għall-Maltin stess li Malti llum ma jistax jsiefer barra u jiġi lura. Dawk huma r-realtajiet.”
Il-Prim Ministru qal li dawn l-aħħar deċiżjonijiet ittieħdu fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
“Kellna niġu f’sitwazzjoni fejn se nagħżlu. Se nagħżlu bejn li nagħtu prijorità lis-saħħa tal-poplu Għawdxi u Malti jew ngħattu dik il-prijorità, inwarrbuha fil-ġenb u hemm prijoritajiet oħrajn. Għal daqstant aħna fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern tal-poplu Malti u Għawdxi bilfors li kellna nagħtu l-prijorità lis-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi dak huwa d-dover li aħna fdati bih.”
Il-Prim Minsitru rreaġġixxa wkoll għat-3 każijiet ta’ mwiet li kellna matul l-aħħar ġimgħa relatati mal-Covid-19.
Filwaqt li esprima l-kondoljanzi lill-qraba tal-pazjenti, il-Prim Ministru aċċenna għall-ħidma li saret sabiex in-numru ta’ mwiet u każijiet jibqgħu baxxi.
“Ħarisna lejn x’kien qed jiġri f’pajjiżi oħrajn u ħrabna niġru qabel bdiet it-tellieqa f’pajjiżna u b’hekk kellna dan il-vantaġġ li ma qadniex ngħidu xejn ma hu xejn umbgħad issa jara u nirreaġixxu skond ma jinqala’. Imma konnha proattivi, antiċipajna dak li seta’ jiġri, ħadna l-miżuri kollha minn aspett ta’ organiżżazzjoni.”
Fosthom kien hemm mizuri soċjali għall-ħaddiema, in-negozji u l-familji Maltin, li ġibdu l-għajn tal-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali.
Mistoqsi dwar din ir-reazzjoni pożittiva, il-Prim Ministru spjega li dawn il-miżuri setgħu jiġu implimentati grazzi għall-impenn tal-ħaddiema u n-negozji ta’ pajjiżna fl-aħħar snin. Sostna kif dawn il-miżuri soċjali kienu meżż ta’ kif il-Gvern jirritorna l-fiduċja li għandhu lejn in-negozji u l-ħaddiema Maltin.
“Kif bl-istess mod kienu huma li kabbru l-ekonomija tagħna llum l-ekonomija tagħna trid tpatti lura, turi dik il-fiduċja biex malli niġu lura għan-normalità, il-businesses kollha tagħna, in-negozji kollha tagħna jkunu up and running, naħarbu niġru mill-ewwel ‘il quddiem.”
Dwar iċ-ċirkostanzi partikolari li llum fihom qed niċċelebraw jum l-Għid, il-Prim Ministru qal li erġajna skoprejna valuri imporanti speċjalment dawk tal-familja u li naħsbu f’xulxin.
“Ma tridx tara għax jiena għandi 30 sena u jien b’saħħti u jien il-Coronavirus ma hu se jagħmilli xejn allura tgħid mela ħa nagħmel dak li nixtieq imma ma taħsibx f’min għandu 80 sena. Dak hu li erġajna skoprejna. Li jien irrid naħseb fija imma rrid naħseb ukoll l-azzjoni tiegħi x’impatt negattiv jista’ jkollha fuq persuna li s-saħħa tagħha hija aktar fraġli minn tiegħi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li għandu fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi kollu.
“Jiena għandi tama u fidi u fiduċja kbira li ser nibqgħu mexjin ‘il quddiem, inkomplu nsaħħu lil pajjiżna bħala poplu Malti u Għawdxi wieħed u verament kburi bil-poplu tagħna kemm wera valuri sbieħ u kemm wera solidarjetà ma’ xulxin f’dan il-mument parikolari.”