F’Għar Ħasan f’Birżebbuġa, sit ta’ Natura 2000 bħalissa qed isiru għadd ta’ xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr biex din iż-żona li tilqa’ speċi ta’ wiżgħat, sriep, gremxul u friefet il-lejl fost oħrajn, tiġi protetta.
Dan bħala parti mill-isforzi tal-Gvern biex is-siti ta’ Natura 2000 madwar il-gżejjer Maltin ikunu konservati u restawrati.
Fil-fatt bħalissa Ambjent Malta għaddejja b’diversi interventi fuq din iż-żona biex titneħħa speċi aljena filwaqt li jitħawlu s-siġar u qed jitnaddaf l-għar u żoni fil-viċinanzi, fost oħrajn.
B’mod speċjali, f’din l-attrazzjoni ewlenija qed isiru sforzi biex tiġi restawrata l-konnettività bejn iż-żoni fejn jieklu u jistrieħu l-annimali li għamlu din is-sit darhom.
Christopher Cachia Zammit, uffiċjal ambjentali fi ħdan Ambjent Malta tkellem dwar il-bosta xogħlijiet li qed isiru.
Qal kif, “Qed nerġgħu nirrestawraw l-Għar Ħasan biex jerġa jiġi protett. Dan kollu qed isir biex il-famillji Maltin u Għawdxin jistgħu jgawdu ambjent iktar b’saħħtu u wkoll nikkonservaw il-flora u fawna ta’ din iż-żona.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia stqarr li ġenerazzjonijiet futuri jiddependu fuqna u fuq kemm aħna lesti li nipproteġu l-ambjent.
Spjega, “Xogħlna huwa li nippreservawhom u nikkonservawhom u ngħadduhom lill-ġenerazzjonijiet futuri u għalhekk Ambjent Malta bħalissa qed tagħmel xogħlijiet ta’ tħawwil ta’ siġar, bini ta’ ħitan tas-sejjieħ mill-ġdid, kif ukoll tneħħi speċi aljeni invażivi minn din iż-żona.”
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li l-ħsieb wara dawn l-interventi huwa li jiġi żgurat li dawn is-siti jibqgħu fi stat tajjeb biex jitgawdew b’mod sostenibbli.