Intervent f’waqtu li sar mill-Gvern Malti se jkun qed iwassal biex il-katavru ta’ Elisaveta Avdala, l-Ispanjola li tilfet ħajjitha fl-inċident li kien jinvolvi double-decker fiż-Żurrieq, jintbagħat Spanja.
Dan bl-għajnuna ta’ taskforce li nħoloq mill-Ministeru għat-Turiżmu sabiex iservi ta’ għajnuna għall-persuni li sfaw vittmi f’dan l-inċident
Elisaveta tilfet ħajjitha fid-9 ta’ April f’inċident li fih tilfu ħajjithom żewġ persuni f’każ li kien jinvolvi double-decker fiż-Żurrieq.Wara li l-qraba u l-ħbieb tagħha saru jafu bl-aħbar, ħolqu petizzjoni sabiex il-katavru ta’ Elisaveta jintbagħat lura lejn Spanja sabiex tindifen hemm u tingħata l-aħħar tislima mill-familja u l-ħbieb iżda l-Gvern Malti kien pront u ħa ħsieb kollox.
F’messaġġ fuq Twitter, l-Ambaxxata ta’ Spanja f’Malta rringrazzjat lill-Gvern tal-assistenza pronta li ngħatat lill-qraba ta’ Avdala.
Avdala kellha tirritorna lura lejn pajjiżha propju dakinhar li tilfet ħajjitha fl-inċident. Kuġina tal-vittma kienet ikkummentat ma’ sit barrani li x-xemx u l-baħar ta’ pajjiżna niżel għasel ma’ Elisaveta tant li ftit jiem qabel stqarret li kienet qed tikkunsidra li tirriloka n-negozju tagħha f’Malta.
Avdala li kienet taħdem bħala għalliema u life coach f’Barċellona ġiet deskritta bħala mara mimlija enerġija li kellha għall qalbha ħafna is-safar u li dejjem kienet tfittex opportunitajiet ġodda biex titgħallem.