F’kunċert fil-Bażilika Papali ta’ San Paolo Fuori le Mura f’Ruma, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, taħt it-tmexxija tas-Surmast Brian Schembri, tat interpretazzjoni mill-isbaħ tal-Missa Solemnis ta’ Beethoven, fil-preżenza tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, numru ta’ Kardinali, tal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, numru ta’ Isqfijiet u diversi Ministri Maltin.
L-Orkestra Nazzjonali Maltija kienet akkumpanjata mill-Coro dell’Accademia di Santa Cecilia u bil-parteċipazzjoni tas-solisti rinomati; is-sopran Jacquelyn Wagner, il-kontralt Eva Vogel, it-tenur Daniel Kirch u il-basso Gerd Grochowski.
Dan il-kunċert sar b’ċelebrazzjoni tal-kollaborazzjoni unika li saret din is-sena bejn il-Gvern Malti u l-Vatikan, li wasslet biex għall-ewwel darba minn meta l-Papa Ġwanni Pawlu II nieda t-tradizzzjoni fl-1982, intrama fi Pjazza San Pietru presepju minn pajjiż barra mill-Italja.
“Il-Bażilika San Paolo Fuori le Mura hija post perfett għal dan il-kunċert fejn qed niċċelebraw l-aqwa talenti artistiċi u mużikali ta’ pajjiżna, flimkien mat-twemmin tagħna li l-kultura u l-arti għandhom rwol importanti fis-soċjetà tal-lum,” qal il-Ministru Bonnici fid-diskors tiegħu waqt il-ftuħ uffiċjali tal-kunċert.
“Waqt li l-Milied mhux se jkun l-istess bħal tagħna għan-nies t’Aleppo u kull min jgħix f’żona ta’ kunflitt, aħna nibqgħu nemmnu fis-sinifikat kruċjali li l-mużika għandha bħala parti mill-wirt kulturali tagħna li hija fundamentali u li tgħaqqadna,” kompla l-Ministru.
F’inqas minn tliet snin, taħt il-gwida tas-Surmast Brian Schembri u t-tmexxija ta’ Sigmund Mifsud, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta laħqet livelli bla preċendenti f’esibizzjonijiet ma’ artisti rinomati internazzjonalment u touring estensiv. Dan il-kunċert fil-fatt, huwa l-ewwel wieħed minn serje ta’ kunċerti internazzjonali li l-Orkestra Nazzjonali se tkun qiegħda tagħti fil-ġejjieni.
Sadanittant, aktar kmieni l-President ta’ Malta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella u l-Ministru Bonniċi kellhom udjenza privata ma’ Papa Franġisku fil-Vatikan.