Il-Gvern għaddej b’ħidma biex jingħata servizz ta’ internet b’xejn lil studenti li għandhom bżonn, hekk kif minn nhar it-Tnejn li ġej se jingħalqu l-iskejjel u l-lezzjonijiet se jsiru b’mod virtwali. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni se jipprovdi wkoll kompjuters lil studenti li m’għandhomx, biex jużawhom sakemm l-iskejjel idumu magħluqa.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li dan kollu qed isir għaliex f’dan iż-żmien l-istudenti għandhom id-dritt li l-edukazzjoni ta’ kwalità titwasslilhom b’mod virtwali u kwalitattiv.
Il-Ministru Caruana qalet, “Konxji mill-fatt li jista’ jkollna studenti li m’għandhomx aċċess għall-internet, jew ma jkollhomx kompjuter. Bħala Ministeru se nniedu diversi inizjattivi fosthom internet b’xejn u l-għoti ta’ kompjuters.”
Ġenituri jew studenti li jixtiequ japplikaw għal din l-għajnuna, jew jixtiequ aktar informazzjoni dwarha, jistgħu iżuru dan is-sit li tnieda apposta: https://education.gov.mt/en/Pages/Application-Form-for-Assistance-During-Online-Learning.aspx jew iċempel fuq 2598 1000.