B’investiment ta’ ftit inqas minn €40,000 l-Gvern ser ikun qed jipprovdi aċċess għall-internet lil madwar 250 student li m’għandhomx il-faċilità tal-Internet.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici hekk kif spjega li fid-dawl tal-fatt li l-iskejjel għalqu l-bibien tagħhom kawża tal-Coronavirus, l-istudenti xorta jridu jkomplu bl-istudji tagħhom.
Il-Ministru qal kif b’hekk dawk l-istudenti li jiffurmaw parti minn Skema 9 u li ġie verifikat li m’għandhomx internet fi djarhom, ser ikun qed jingħatalhom l-internet b’xejn sabiex ikomplu bit-tagħlim edukattiv tagħhom.
Dwar dan tkellimna mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Dr Frank Fabri hekk kif spjega li dawn il-kaxxi tal-internet se jibdew jitqassmu fil-jiem li ġejjin.
Is-Sur Fabri spjega: “Is-servizz li ser inkunu qed nagħtu huwa servizz faċli ħafna. Se jingħataw kaxxa żgħira kulma jridu jagħmlu hu li jqabbduha mad-dawl, jixgħelu l-iswitch tad-dawl u jqabbdu l-kaxxa mal-kompjuter jew mal-printer.”
Frank Fabri qal kif madwar 150 familja se jibbenefikaw minn din il-miżura.
Huwa sostna: “Naturalment ittieħdu l-proċeduri kollha neċessarji biex jiġi identifikat supplier biex jinxtara dan is-servizz u se nkunu qed nilħqu madwar 150 familja fil-verità li bejn wieħed u ieħor se tkun qed tiswa qrib l-€40,000 f’sena.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonniċi qal li permezz ta’ din l-inizjattiva mill-Gvern l-ebda student ma’ hu se jibqa’ lura.
Il-Ministru Bonnici sostna: “Dawn il-persuni li huma f’riskju ta’ faqar aħna ridna ngħinuhom l-ewwel nett billi nqassmu l-lunches li aħna konnha qed nipprovdulhom fl-iskejjel u issa wkoll se nkunu qed nagħtu internet connection lil dawk kollha li m’għandhomx internet connection id-dar biex naċċertaw li f’dan iż-żmien ebda persuna ma jibqa’ lura.”