Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jistieden edituri u pubblikaturi jibgħatu applikazzjonijiet għal antoloġija ta’ kitba Maltija maqluba għall-Ingliż.
Din hija sejħa miftuħa għal min huwa interessat u lest joħloq u jippubblika antoloġija ta’ kitba Maltija maqluba għall-Ingliż sabiex tħajjar pubblikaturi barranin ifittxu iktar tagħrif dwar il-letteratura Maltija.
Għal dan il-għan, qed toħroġ espressjoni ta’ interess għal edituri u pubblikaturi li huma lesti jieħdu ħsieb ‘Antoloġija ta’ Kitba Maltija Maqluba għall-Ingliż’. Il-pubblikazzjoni hija maħsuba biex tiġi użata biss għal skopijiet ta’ reklamar u esebizzjoni. Mhux ser tkun għall-bejgħ imkien u ser titqassam b’xejn.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu baġit ta’ madwar €15,000 għal dan il-proġett iżda l-ammont jaf jinbidel skond l-offerti tal-edituri jew pubblikaturi.
B’kuntrast mar-rowl tradizzjonali ta’ editur, l-editur huwa mistenni li jkun il-moħħ wara l-proġett, għalkemm ħafna mix-xogħol tat-tmexxija tal-proġett ser isir mit-tim tal-Kunsill. It-tim ser joffri għajnuna fil-koordinazzjoni tal-proċess ta’ pubblikazzjoni (eżempju, fil-qari tal-provi, l-għażla tal-għamla tal-ktieb, eċċ).