Ikomplu t-tħejjijiet għall-ewwel edizzjoni tal-Intersport La Valette Marathon li se ssir il-Ħadd 24 t’April. Il-La Valette Malta Marathon se tibda tkun attività ta’ kull sena u li se ssib postha fil-kalendarju tal-atletika lokali. Filwaqt li din is-sena se ssir f’April, mis-sena d-dieħla hemm il-pjan li tibda ssir kull l-ewwel Ħadd ta’ Frar
Din il-maratona u nofs maratona ġdida se tkun qed twaħħad l-istorja mal-isport, u ser issir fl-ewwel Ħadd ta’ Frar minħabba li l-Gran Mastru La Valette kien twieled fl-4 ta’ Frar.
Il-maratona se jkollha xenarju uniku u mill-isbaħ. Se tkun qed tieħu lil-atleti fit-toroq ta’ madwar il-portijiet prinċipali. Se tibda minn Ta’ Sliema u San Ġiljan, tgħaddi mill-belt Valletta, u wara tibqa’ sejra sal-Isla u tintemm fil-Forti Sant’Anġlu, il-Birgu.
Apparti l-maratona u n-nofs maratona se jkun hemm ukoll relays anke walkathon.
Sa issa diġa irreġistraw ‘il fuq minn 700 atleta u dan jawgura tajjeb meta wieħed iqis li għadha fil-bidu tagħha. Hemm ukoll interess qawwi min-numru ta’ atleti barranin minn pajjiżi bħall-Ingilterra, Ġappun, Italja, Ġermanja, Belġju, Franza u Turkija.
Min jixtiq jirregistra għal waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet jista’ jidħol direttament f’dan il-link: https://corsa.mt/