Il-Gozo Channel irċeviet seba’ proposti mingħand operaturi Maltin u barranin biex jissieħbu magħha fl-operat tas-servizz tal-Fast Ferry bejn Malta u Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat kif il-ġimgħa li għaddiet, ingħalqet l-ewwel fażi tal-proċedura biex jinstab operatur tas-servizz; li se jkompli joffri aktar aċċessibilità bejn iż-żewġ gżejjer.
L-operatur li eventwalment se jintagħzel, se jissieħeb mal-kumpanija Gozo Channel biex jibda joffri dan is-servizz tat-trasport li se jkun issusidjat.
L-offerta tobbliga li min jieħu l-kuntratt joffri dan is-servizz ta’ ġarr tal-passiġġieri bejn il-Port tal-Imġarr u l-Port il-Kbira. Il-Ministru Justyne Caruana qalet:
Skont il-preliminary market research li għamlet il-Gozo Channel kien hemm seba’ operaturi li huma interessati fosthom dawk lokali anki internazzjonali u dan juri li hemm interess qawwi biex dawn l-operaturi jkunu partners mal-Gozo Channel għall-proġett tal-Fast Ferry biex ikunu jistgħu jissottomettu l—offerta tagħhom għat-tender.
Is-servizz tal-Fast Ferry mistenni jiffaċilita l-ħajja ta’ bosta Għawdxin li jaqsmu l-fliegu kuljum.
Minbarra l-aċċessibbiltà, l-istess servizz se jkun qed jagħti wkoll opportunità alternattiva ta’ ġarr ta’ passiġġieri.
Il-fast ferry mistennija jorbot mal-moll wara d-Dwana fil-Port il-Kbir biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jagħmlu użu mil-lift tal-Barraka. Skont is-sejħa, il-prezz sussidjat għall-Għawdxin se jkun ta’ sitt ewro bir-ritorn.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dan is-servizz flimkien mas-servizz tal-vapurti tal-Gozo Channel jawgura tajjeb għall-influss ta’ nies bejn iż-żewġ gżejjer.
L-influss ta’ nies li qed jiġu lejn Għawdex u allura rridu naraw prospetti oħrajn fosthom il-possibilita li jkun hemm ir-raba’ vapur li jkun jista’ wkoll joffri s-servizzi tiegħu.