Fl-aħħar xhur, is-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta kompla jikber, jissaħħaħ u jiġbed l-attenzjoni ta’ kumpaniji internazzjonali stabbiliti li qed jaraw lil pajjiżna bħala ġurisdizzjoni b’saħħitha fejn jikkunsidraw li jinvestu jew ikabbru n-negozju tagħhom.
Fil-fatt, biex dan il-qasam ikompli jissaħħaħ, fid-29 ta’ Novembru li ġej se ssir il-konferenza annwali ta’ Finance Malta, kif spjegat is-Kap Uffiċjal tal-Operazzjonijiet tal-fondazzjoni, Graziella Grech.
“Finance Malta se torganizza l-konferenza annwali tagħha. Din hi s-17-il sena u din is-sena, minbarra li qed nistennew aktar minn 600 delegat lokali u internazzjonali li se jkunu qed jattendu f’Malta, il-mira hi li jkollna kelliema ta’ portata għolja fejn jidħol is-settur finanzjarju minn madwar id-dinja. Fosthom se jkollna lil Kotaro Ishi, Mission Chief mal-Fond Monetarju Internazzjonali, Carmine di Noia, Direttur fi ħdan l-OECD, u Panagiotis Polydoros, Country Manager ta’ Mastercard għal Greċja, Ċipru u Malta.”
Finance Malta hi fondazzjoni pubblika-privata li l-iskop tagħha hu li rappreżentanti jmorru lil minn xtutna biex jippromwovu lil pajjiżna bħala ċentru internazzjonali tas-servizzi finanzjarji. Fi ħdanha tiġbor ukoll membri mill-industrija finanzjarja.
Din is-sena, il-konferenza annwali se tkopri s-setturi industrijali kollha, fosthom il-fintech, is-settur bankarju, l-assigurazzjoni u l-investimenti, fost l-oħrajn.
Minbarra diskussjonijiet fuq setturi eżistenti, din se tittratta dawk in-niċeċ innovattivi ġodda li pajjiżna qed iħares lejhom, bl-għan li jkompli jattira aktar investiment u impjiegi ta’ kwalità li jgħollu l-profil lokali f’dan is-settur.
Dawn jinkludu żviluppi fit-teknoloġija finanzjarja, il-blue economy u s-sostenibbiltà finanzjarja.
“Ġejjin hawn Malta proprju biex jitkellmu fuq l-industrija u l-impatt li Malta qed tħalli fuq dan is-settur tant importanti, li jħalli kważi 12% kontribut fil-GDP. Fl-istess ħin ukoll inkomplu nużaw dawn it-tip ta’ pjattaformi biex nippromwovu lil Malta u s-saħħa ta’ pajjiżna li, bħala settur finanzjarju, aħna nikkompetu wkoll ma’ ġurisdizzjonijiet b’saħħithom u fl-istess ħin inġibu akar xogħol bħala investiment dirett barrani.”
Fl-aħħar xhur, Finance Malta pparteċipat f’għadd ta’ avvenimenti barra minn xtutna b’rabta mas-settur finanzjarju, b’investituri minn kumpaniji internazzjonali stabbiliti u anke start-ups żgħar qed jesprimu interess għal dak li qed joffri pajjiiżna f’dan is-settur u li anke qegħdin jikkunsidraw bis-serjetà li jinvestu fostna fix-xhur u s-snin li ġejjin.