Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri esprima sens ta’ sodisfazzjon għall-interess qawwi li qed jintwera b’rabta mal-qafas regolatorju propost dwar it-teknoloġija DLT li ressaq il-Gvern Malti ġimgħatejn ilu u li issa qiegħed għall-konsultazzjoni pubblika.
Meta kien qed jindirizza l-konferenza bit-tema ‘Reflections on the Proposed DLT Regulations’ mtella’ mill-Assoċjazzjoni Blockchain Malta, Silvio Schembri spjega li l-qafas regolatorju qed jipproponi li tinħoloq Malta Digital Innovation Authority , li ssir reġistrazzjoni b’mod volontarju ta’ dawk li joffru servizzi b’rabta ma’ din it-teknoloġija u Arranġamenti Teknoloġiċi bħal fil-qasam ta’ smart contracts. Il-qafas regolatorju jinkudli fih reġim, żvilluppat mill-MFSA, għall-ICOs u dawk li joffru servizzi fil-qasam ta’ muniti diġitali.
‘Il-qafas regolatorju propost se joffri ċertezza legali fi spazju li bħalissa mhuwiex irregolat ‘ qal Schembri filwaqt li żied li ġurisdizzjonijiet oħra esprimew l-ħsibijiet tagħhom dwar kif jirregolaw cryptocurrencies u ICOs madanakollu ebda ġurisdizzjoni ma estendiet il-qafas regolatorju tagħha bl-istess mod kif tressaq mill-Gvern Malti. Innota kif filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea għada qed tosserva dan is-settur, pajjiżna għażel li jmexxi tant li l-qafas regolatorju se jservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra.
Schembri qal li l-qafas regolatorju hu mmirat biex jimla vakuum f’dan is-settur, li jagħti ċertezza legali fl-istess waqt li jistimula l-innovazzjoni. Schembri inkoraġixxa lil dawk preżenti u lill-pubbliku biex iressqu s-suġġerimenti tagħhom biex jissaħħaħ il-qafas regolatorju.