L-ewwel żewġ laqgħat tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi fil-qasam tal-kostruzzjoni kellhom konkorrenza b’saħħitha – għalihom attendew għexieren kbar ta’ nies.
L-ewwel laqgħa saret fl-iskola Sekondarja Maria Reġina, fiż-Żokrija, il-Mosta u għaliha attendew diversi kuntratturi li jaħdmu fis-settur kif ukoll bennejja.
Bl-istess mod saret it-tieni laqgħa li saret fl-iskola Sekondarja San Benedittu, f’Ħal Kirkop.
Dawn il-laqgħat jixhdu l-interess kbir f’dawn ir-regolamenti proposti sabiex din l-industrija tassew tkun imsaħħa u jogħla l-livell tal-kwalità tagħha.
Matul il-laqgħat ġie spjegat kif l-Awtorità qed tgħarbel dak li jgħidu l-partijiet interessati bil-għan li l-abbozz ta’ Avviż Legali ikun jirrifletti l-aħjar implimentazzjoni.
Il-konsultazzjoni pubblika mistennija tintemm fil-21 ta’ April. Il-porposti huwa ppjanat li jidħlu fts-seħħ permezz tal-Avviż Legali, bl-ewwel regolamentazzjoni tidħol fis-seħħ f’Ġunju.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat, mexxa l-laqgħat filwaqt li kien assistit miċ-Chairman tal-Awtorità u uffiċjali għolja mill-istess Awtorità. Huwa għamel preżentazzjonijiet viżivi u ta dettalji tal-proposti li wieħed isib fl-abbozz tal-Avviż Legali.
Huwa ta dettalji dwar iż-żmien meta kuntrattur għandu japplika għal-liċenzja biex ikun jista’ jibqa jopera. Min diġà qed jaħdem fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar jew bini jrid japplika sal-31 t’Ottubru li ġej biex ikun jista’ jkompli jaħdem.
Ġie enfasizzat ukoll li wara l-1 ta’ Jannar 2025 kull minn irid jaħdem fl-industrija tal-kostruzzjoni jrid ikollu liċenzja sabiex jopera.
Matul il-laqgħat saru diversi interventi minn dawk preżenti. Dawn intlaqgħu mill-Kap Eżekuttiv, li stqarr li l-Awtorità qed tinnota kull kumment u wara l-evalwazzjoni tara fejn ikun hemm lok li jsir tibdil biex il-qafas tar-regolamenti jkompli jissaħħaħ u jitjieb.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ ukoll li jagħti l-opinjoni tiegħu billi jibgħat email fuq consultation.construction@gov.mt L-abbozz ta’ regolamenti jinsab fuq is-sit tal- istess Awtorità.