Il-muniti kommmemorattivi li joħroġ minn żmien għal żmien il-Bank Ċentrali dejjem iqanqlu interess kbir, iżda ta’ din il-ġimgħa kienet xi ħaġa speċjali.
Dan għax, b’differenza mis-soltu, ma kienx hemm ħarġa ġdida waħda biss, kif jispjega l-kuratur tal-Mużew tal-Bank Ċentrali, Kevin Cassar.
Qal, “Illum hija daqxejn partikolari għax, fejn is-soltu jkollna ħarġa jew tnejn, din is-sena kellna tlieta u ħarġu kollha f’daqqa. Dawn it-tliet muniti qed ifakkru temi differenti.”
Waħda mill-muniti hija komuni għall-pajjiżi kollha tal-Ewro, u tfakkar il-35 anniversarju tal-programm Erasmus tal-Unjoni Ewropea, li jippromwovi l-iskambji tal-istudenti fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, u l-isport. Id-disinn ta’ din il-munita kien l-istess għall-pajjiżi kollha taż-Żona tal-Ewro, bl-unika differenza tkun isem il-pajjiż.
It-tieni munita nħarġet fl-okkażjoni tat-22 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, dwar in-Nisa, il-Paċi, u s-Sigurtà. Dawn huma oqsma li Malta se tagħtihom prijorità fil-mandat tagħha bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà fis-sentejn li ġejjin.
It-tielet munita turi l-maqdes ta’ Ħal Saflieni u tikkonkludi serje ta’ sebgħa li l-Bank Ċentrali ħareġ tul dawn l-aħħar snin biex jikkommemora l-wirt preistoriku Malti li jinsab fuq il-lista tal-Wirt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti.
Qal, “Il-Bank Ċentrali għandu bord intern li jissuġġerixxi temi li jistgħu jsiru fuq il-muniti. Dawn jistgħu jkunu anniversarji jew kommemorazzjonijiet ta’ wirt nazzjonali, flora, fawna, u mbagħad tintgħażel tema approprjata biex tkun tista’ ssir munita.”
Fil-kju twil ta’ nies li kienu qed jistennew biex jakkwistaw il-muniti, kien hemm nies ta’ kull età,kemm Maltin kif ukoll barranin.