Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħabbar illejla fil-parlament li mill-1 ta’ Jannar, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu għandha erba’ applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġodda ta’ erba’ stilel u żewġ applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġodda ta’ ħames stilel.
Meta wieġeb mistoqsija parlamentari ta’ Claudio Grech, il-Ministru qal li qed ikun hemm ukoll żieda sostanzjali ta’ lukandi li applikaw biex iżidu n-numru tas-sulari. Fil-fatt, fl-2014 applikaw ħames lukandi ta’ erba’ stilel u żewġ lukandi ta’ ħames stilel għal żewġ sulari addizzjonali, filwaqt li fl-2015 u fl-2016, rispettivament, applikaw disa’ u seba’ lukandi ta’ erba’ stilel.
Informazzjoni li poġġa fuq il-Mejda tal-kamra turi li bħalissa f’Malta hawn 42 lukanda ta’ erba’ stilel u 14 ta’ ħames stilel. Bejn il-perjodu 2004 u 2012, għalqu disa’ lukandi ta’ erba’ stilel u tliet lukandi ta’ ħames stilel.
Dr Zammit Lewis qal li filwaqt illi fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, il-lukandi jagħlqu u ma jerġgħux jiftħu, bil-politika ta’ dan il-Gvern li qed toħloq stabbiltà ekonomika u finanzjarja li tixpruna u tippermetti lis-settur privat ikompli jinvesti f’din l-industrija, il-lukandi f’dawn l-aħħar erba’ snin qed jagħlqu temporanjament għal rinovar maġġuri.
Żied jgħid li skont l-aħħar stħarriġ ikkummisjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi, l-okkupanza ta’ kmamar f’lukandi t’erba’ u ħames stilel fl-2015 kienet żdiedet konsiderevolment minħabba avvenimenti internazzjonali li seħħew f’pajjiżna. Madanakollu, meta tqabbel l-okkupanzi ta’ l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena ma’ l-istess xhur tas-sena 2014 issib tkabbir ta’ 3.2 fil-mija għal erba’ stilel u żieda ta’ 1.6 fil-mija għal-lukandi ta’ ħames stilel.
Mill-istess stħarrig, qal il-Ministru Zammit Lewis, l-lukandi ta’ ħames stilel kellhom tkabbir fid-dħul ta’ 3.3% fuq l-istess perjodu tal-2015, filwaqt li l-lukandi ta’ erba’ stilel irreġistraw żieda ta’ 11.4% fuq l-istess xhur imsemmija tas-sena l-oħra.