Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza li timponi interdizzjoni ġenerali fuq prokuratur legali talli għamlet rapport falz dwar żewġha.
Juanita Fenech ta’ 25 sena ressqet appell wara li nstabet ħatja li fl-2014, iffabrikat evidenza u għamlet rapport falz lill-pulizija.
Hija ingħatat sentenza ta’ tliet snin ordni ta’ probation u li kellha interdizzjoni għal għaxar snin.
Mill-evidenza, deher ċar li hija kienet irrapportat li kienet vittma ta’ vjolenza domestika ta’ żewġha, li sussegwentement ġie mħarrek u qatta sbatax-il jum f’kustodja qabel ma ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Imbagħad hija kienet irrappurtat li r-raġel kien kiser waħda mill-kundizzjonijiet tal-pleġġ tiegħu billi avviċinaha, meta fil-fatt kien id-dar ma’ familtu.
Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija, rriżulta li r-raġel ma kienx fil-post allegat u għaldaqstant, il-qorti tal-appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza.