Il-proġett tat-tieni interconnector, magħruf ukoll bħala IC2, laħaq stadju importanti ieħor hekk kif ġie ppubblikat it-tender għall-parti ta’ taħt il-baħar b’valur ta’ €185 miljun.
Dan tħabbar fi stqarrija minn Interconnect Malta li tat id-dettalji ta’ dan il-proġett, ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm tal-Finanzjament għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew 2021-2027.
F’Mejju li għadda, ICM kienet ħarġet Avviż ta’ Informazzjoni Preliminari għat-tender bħala parti mill-proċess biex tinforma s-suq dwar it-tender imminenti.
ICM tinsab ukoll fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ żewġ tenders oħrajn, li jifformaw parti mill-proġett usa’ tat-tieni interconnector. Għaż-żewġ tenders ipparteċipaw fih kumpaniji rispettabbli ta’ fama u esperjenza vasta fl-industrija.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Interconnect Malta u l-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, iltaqgħu mal-President tar-Reġjun ta’ Sqallija Dr Renato Schifani biex jiddiskuttu l-applikazzjoni tal-permessi tat-tieni interconnector.
Il-Ministru Dalli spjegat li t-tieni interconnector issa qed jidħol f’fażi importanti oħra favur sigurtà fil-provvistà u titjib fil-miri ta’ pajjiżna lejn enerġija rinnovabbli.
Il-proġett tat-tieni interconnector se jara l-installazzjoni ta’ cable elettriku b’vultaġġ għoli ta’ 121 kilometru, inkluż cable taħt il-baħar ta’ 99 kilometru, li se jgħaddi lejn l-art permezz ta’ żewġ proċeduri ta’ Horizontal Direction Drilling.