Interconnect Malta laqgħet b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi fejn approvat l-istudju ambjentali ta’ Interconnector 2, it-tieni konnessjoni elettrika li se taqsam taħt il-baħar bejn Malta u l-Italja.
Din il-konklużjoni tal-istudju tal-impatt ambjentali u l-approvazzjoni tiegħu mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, huma pass ieħor ’il quddiem fl-ippjanar tat-tieni interkonnessjoni ta’ Malta mal-kumplament tal-Ewropa.
Dawn jaffermaw li din l-infrastruttura ġdida mhux se jkollha impatti negattivi fuq l-ambjent fuq l-art u fil-baħar.
L-istudju tal-impatt ambjentali, li tlesta aktar kmieni din is-sena, jinkludi analiżi fil-fond tal-impatti li l-proġett jista’ jħalli fuq l-ambjent, inkluż l-ekoloġija, l-arkeoloġija, il-baħar u l-ġeoloġija.
Fuq medda ta’ sitt xhur, aktar minn għaxar esperti minn oqsma differenti analizzaw it-tagħrif li nġabar filwaqt li nkiseb aktar tagħrif biex ġiet konkluża l-analiżi ambjentali.
Ir-rapport tal-Environmental Impact Assessment irrakkomanda wkoll għadd ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ xi impatti waqt it-twettiq tal-proġett.
Interconnect Malta se tkompli tikkollabora mal-Awtorità tal-Ippjanar u awtoritajiet oħra f’Malta u l-Italja biex tikkonkludi l-proċess tal-permessi għal dan il-proġett importanti. Intqal kif il-kumpanija lestiet rapport simili għal dak li sar f’Malta biex tqis l-impatti tal-proġett fuq l-art u fil-baħar fi Sqallija.
Interconnector 2 se jkun interkonnessjoni ta’ 99 kilometru ta’ cable f’qiegħ il-baħar, u se jopera b’vultaġġ ta’ 220 kilovolt bejn Malta u l-Italja. Se jitqiegħed f’distanza sigura lilhinn mill-ewwel interconnector bejn iż-żewġ pajjiżi, li beda jopera fl-2015.
Dan il-proġett se jikkonsolida s-sigurtà tal-provvista billi jirdoppja l-interkonnessjoni li għandha Malta bħalissa man-netwerk Ewropea.
Fl-istess waqt, se jippermetti iżjed investiment fl-enerġija rinnovabbli billi jagħti l-kapaċità ta’ riserva meħtieġa biex jilqa’ għall-intermittenza tal-enerġija rinnovabbli.