L-aġenzija Interconnect Malta qed tieħu ħsieb biex Malta jkollha ż-żoni ekonomiċi esklussivi li se jkunu jistgħu jilqgħu proġetti ta’ enerġija rinovabbli. Dan hekk kif tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, fejn intqal li l-Gvern se joħroġ żewġ sejħiet internazzjonali biex isiru turbini tar-riħ u pannelli solari fuq il-baħar.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Interconnect Malta, Ismail D’Amato, li sostna li dan hu xprunat mill-proċess li pajjiżna jrid imur aktar għall-enerġija rinovabbli u aktar nadifa.
D’Amato spjega, “L-ewwel pass li għamilna kien li inġaggajna konsulenti ħalli naraw li jkun hemm project concept u jkun hemm xi ħaġa li tkun fattibbli, ħalli meta toħroġ għall-konċessjoni jkollna dokumenti solidi biex nagħtu din il-konċessjoni.”
Hu spjega li Interconnect Malta mhux qed taħdem dwar dan il-proġett b’mod iżolat, imma qed jaraw biex tkun integrata aktar l-enerġija rinovabbli.
Dan fosthom bit-tieni interconnector ma’ Ragusa fi Sqallija, biex tirdoppja l-kapaċità tal-elettriku f’pajjiżna u anke jsiru żewġ proġetti ta’ battery storage unit.
D’Amato spjega ma’ ONE News li din l-installazzjoni se tkun waħda fuq il-baħar.
Hu qal, “Bażikament minħabba l-fond tal-ibħra Maltin, din l-istallazzjoni ħa tkun qegħda żżomm fil-wiċċ (floating), ma tkunx marbuta mal-qiegħ (fixed bottom), għax għandna fond konsiderevoli u l-enerġija tiġi ġġenerata mir-riħ u trasmessa lejn il-grid Malti permezz ta’ cable.”
Hawnhekk hu spjega li qed issir kordinazzjoni mal-Enemalta biex isibu post ta’ interkonnessjoni tajba, biex imbagħad isir żvilupp biex l-enerġija nadifa titwassal fid-djar.
Dan l-iżvilupp fir-rinovabbli se jgħin biex pajjiżna jgħin biex ikun aktar sostenibbli u biex jilħaq il-miri stabbiliti mill-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.