Id-Dwana kkonkludiet l-investigazzjonijiet tagħha li kienet qed tagħmel fuq erba’ kontejners li ġew interċettati fil-Freeport, fejn irriżulta li kienu qed iġorru eluf ta’ oġġetti foloz.
Fihom instabu iktar minn 26,000 flixkun fwieħa falza ta’ 9 ditti rinomati, iktar minn 42,000 flixkun shampoo falz ta’ żewġ ditti rinomati u iktar minn 41,000 flixkun vojt ta’ żewġ ditti rinomati tal-fwieħa.
Dawn tal-aħħar kellhom l-intenzjoni ċara li jiġu mimlija bi fwieħa ta’ kwalità inferjuri.
L-ammont totali tal-oġġetti maqbuda kien jaqbeż il-110,000 biċċa.
Il-ħidma saret bejn it-Taqsimiet tal-Propjetà Intelletwali tad-Dwana, il-Container Monitoring Unit u l-Iscanning Team.
L-oġġetti kollha maqbuda rriżulta li huma kollha foloz wara li rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji li għandhom id-drittijiet rispettivi u li huma propjetarji tal-marki reġistrati, ikkonfermaw l-illegalità ta’ dawn il-konsenji.
Il-kumpaniji propjetarji tal-marki reġistrati mistennija jippreżentaw rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpaniji kontraventriċi f’kull każ.