Din is-sena, s’issa, id-Dwana Maltija interċettat kważi tliet tunnellati ta’ kokaina.
Il-Ħadd, fit-tielet qabda għal din is-sena, uffiċċjali tad-Dwana ta’ Malta interċettaw 610 kilogrammi kokaina f’kontejner fil-Port Ħieles. Il-valur tad-droga fis-suq huwa ta’ aktar minn mitt miljun ewro.
Il-kokaina kienet ippakkeġġjata f’610 pakketti li kienu moħbija f’kontejner li kien qed iġorr il-banana. Il-kontejner kien ġej mill-Ekwador fi triqtu lejn il-Georgia.
L-Uffiċjali tad-Dwana, flimkien ma’ membri mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ kontra d-Droga, fetħu l-kontejner u spezzjonaw kull kaxxa li kien fih. F’din l-ispezzjoni nstab li 20 kaxxa tal-banana kellhom 20 pakkett kokaina kull waħda, filwaqt li 10 kaxxi oħra kien fihom 21 pakkett kull waħda.
Il-każ qed jiġi investigat mill-Pulizija filwaqt li l-Maġistrat Monica Vella qed tmexxi l-inkjesta.
Il-qabda tal-Ħadd issegwi l-qabdiet kbar li saru aktar kmieni din is-sena. Fil-fatt, f’April li għadda id-Dwana interċettat 800 kilogramma ta’ droga kokaina, u f’Mejju inqabdu kważi tunnellata u nofs. Din tal-aħħar kienet qabda rekord f’pajjiżna.
L-ammont ta’ droga ssekwestrat fil-Port Ħieles din is-sena jaqbeż l-ammont totali tal-2019, l-2020, u l-2021 f’daqqa bi ftit aktar minn 800 kilogramma.