It-tim ta’ fama internazzjonali Taljan ta’ Inter u ċ-champions tal-Awstrijak ta’ RedBull Salzburg se jkunu qed jilgħabu f’pajjiżna fil-bidu ta’ Diċembru li ġej.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn intqal li Inter se jilgħabu kontra t-tim Malti ta’ Gżira United fil-5 ta’ Diċembru li ġej u Inter se jilgħabu kontra t-tim Awstrijak ta’ Red Bull Salzburg fis-7 ta’ Diċembru.
Dawn iż-żewġ logħbiet se jkunu parti mill-International Malta Friendlies 2022, li qed issir bis-sapport ta’ Visit Malta.
Dawn il-logħbiet se jintlagħbu fit-Tony Bezzina Stadium, f’Kordin u ż-żewġ logħbiet se jintlagħbu fis-sitta ta’ filgħaxija.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet intqal kif din il-kompetizzjoni se ssir f’pajjiżna waqt li għaddejja t-Tazza tad-Dinja fil-Qatar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li f’dawn l-aħħar snin, l-awtorita investiet sabiex jirriklama lill-pajjiżna fit-turiżmu sportiv. Qal li din hija niċċa importanti li permezz tagħha qed ikun irriklamat pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li minkejja li dħalna fix-xhur tax-xitwa u hawn numru b’saħħtu ta’ turisti juri l-irkupru b’saħħtu ta’ turiżmu wara l-pandemija.
Dan se juri li pajjiżna għandu nuqqas ta’ staġġjonalita anki f’dan is-settur.