Timmaġinak tgħix f’din il-kapsula għall-ħamest ijiem taħt il-baħar bil-ħut idur madwarek?
Żewġ għaddassa hekk għamlu biex wettqu operazzjoni delikata ta’ xogħol ta’ tiswija ta’ ħruġ ta’ drenaġġ mill-impjant li hemm f’Ras il-Ħobż qrib Imġarr ix-Xini f’Għawdex.
Fi stqarrija l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sostniet li x-xogħol issa huwa lest u d-drenaġġ trattat issa qed jintrema f’fond ta’ tmenin metru flok f’erbgħin metru.
Ix-xogħol sar wara rimi llegali ta’ skart tul is-snin fejn qatt ma ttieħdet azzjoni.
Matul l-operazzjoni fuq medda ta’ diversi jiem l-għaddasa kellhom bilfors jgħixu f’kapsula ta’ dekrompressjoni taħt l-ilma.
Huma kienu jaħdmu tmien sigħat kuljum, għaddas jaħdem erba’ sigħat fuq il-pajp u l-ieħor kien ikun għassa għal li jista’ jinqala’.
B’attenzjoni stretta fuq is-saħħa, l-għaddasa kienu mgħejjuna minn fuq il-barkun fejn ingħataw struzzjonijiet iddettaljati u saħansitra kienet ikkontrollata t-temperatura tagħhom ukoll permezz ta’ ilbies speċjali.
Ħidma importanti wkoll kienet tinvolvi t-twaħħil ta’ diffuser ġdid biex l-operat tal-pajp jsir ħafna aktar effiċjenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma saħaq li r-rimi illegali ta’ skart kien jinvolvi ħmieġ tal-annimali u anki wipes tat-trabi.
“Huwa fundamentali illi fis-sistema tad-drenaġġ jintrema biss dak li huwa intiż għas-sistema tad-drenaġġ ħalli b’hekk il-pubbliku wkoll ikun qed jgħin lill-Korporazzjoni biex tkompli tiżgura illi l-ibħra ta’ madwar Malta jibqgħu jkunu fil-quċċata tal-istandards Ewropej”, stqarr Bilocca.
Din l-operazzjoni diffiċli swiet madwar nofs miljun ewro u saret b’koperazzjoni sħiħa mal-Awtorità Marittima u tal-Port.