Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li ntemm il-proġett ta’ rinovazzjoni tal-Prijorat ta’ Navarra li sar b’investiment ta’ €1.7 miljun. Permezz ta’ dan il-proġett is-Sala Isouard ġiet rinnovata u issa se jkollha wkoll spazju għal-laqgħat, kif ukoll inbena booking office ġdid.
Fi żjara li għamel fuq il-post, il-Ministru Bonnici saħaq li ntemm il-proġett tal-Prijorat ta’ Navarra li huwa pass importanti għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali u l-promozzjoni tal-arti.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru spjega li Sala Isouard se tkun tista’ tintuża wkoll għall-konferenzi u kunċerti fuq skala iżgħar minbarra li se sservi ta’ spazju għal-laqgħat.Huwa ddeskriiva lit-Teatru Manoel bħala ġojjell arkitettoniku u wirt li wasal għalina minn żmien il-kavallieri. Għandu valur mhux biss Malti iżda anke Ewropej.
Qal “Aħna għandna obbligu li nkomlu nkabbruħ u mmexxuh il-quddiem. Dak li għamilna llum, investiment ta’ miljun u sebgħa mitt elf ewro huwa li nżidu l-faċilitajiet li jagħmlu l-esperjenza ta’ min jiġi t-Teatru Manoel waħda aktar sabiħa.”
Il-Ministru ħabbar ukoll li fil-Prijorat huwa ppjanat li tinfetaħ kafetterija u ssir l-installazzjoni ta’ sistema ta’ lift li twassal għas-sulari kollha fi ħdan it-teatru prinċipali. Huwa temm jgħid li l-inklużjoni ta’ dan il-lift se tagħmel it-teatru aċċessibbli għal kulħadd, għall-ewwel darba fl-istorja tat-teatru.
L-istaġun Artistiku 2023/24 tat-teatru se joffri varjetà ta’ wirjiet minn musicals bħal Grease sal-ewwel opra ta’ Mozart, Apollo et Hycanthus. Se jkun hemm ukoll 26 produzzjoni oriġinali minn TOI TOI, oħrajn klassiċi bħall-pantomima tal-Milied, għadd ta’ kollaborazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet stabbiliti bħal ŻiguŻajg u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, proġetti fil-komunità fost oħrajn.
Qal “l-importanza ta’ dan it-teatru ovvjament huwa għax għandu storja ta’ 300 sena, ovvjament matul iż-żminijiet it-tip ta’ rappreżentazzjonijiet li kienu jsiru qabel kienu opri biss u kunċerti u llum għandna varjetà sħiħa ta’ produzzjonijiet.”
Biex wieħed jikseb aktar informazzjoni dwar l-istaġun artistiku ta’ Teatru Manoel u biex jibbukkja l-biljetti għandu jżur is-sit teatrumanoel.mt jew iżur il-Box Office fil-Prijorat ta’ Navarra.