Smart Artificial Pilot huwa proġett li jiżviluppa soluzzjonijiet ibbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, biex jgħinu lil piloti jirkupraw l-ajruplan jekk l-awtomazzjoni tfalli.
Il-proġett indirizza speċifikament żewġ oqsma: it-telf ta’ kontroll meta l-ġwienaħ ma jkunux qed jaħdmu kif suppost, u telf ta’ għarfien tas-sitwazzjoni mill-bdot.
Smart Artificial Pilot jagħmel parti mill-inizjattiva SmartAp, immexxija mill-Istitut tat-Teknoloġiji Aerospazjali fl-Università ta’ Malta, f’kollaborazzjoni ma’ QuAero Ltd., li hija kumpanija lokali ta’ konsulenza dwar l-avjazzjoni.
Din is-soluzzjoni fid-dinja tal-avjazzjoni ġiet ikkomunikata hekk kif ġew ippubblikati r-riżultati tal-proġett SmartAp, fil-preżenza tac-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tonio Portughese u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
L-idea ta’ Smart Artificial Pilot nibtet minħabba li l-kumplessità tal-awtomazzjoni u d-dipendenza tal-bdoti fuqha żdiedet, tant li l-bdoti umani ma’ baqgħux daqshekk f’kontroll tal-ajruplan. Minħabba f’hekk, jikber ir-riskju ta’ inċidenti fatali.
Dan il-proġett jipproponi kunċett ġdid ta’ awtomazzjoni, fejn l-Intelliġenza Artifiċjali hija mħarrġa biex ittajjar l-inġenju tal-ajru, tikkontrolla l-awtomazzjoni u tikkomunika mal-bdoti umani.
L-iżvilupp ta’ Smart Articial Pilot kien possibbli permezz tal-programm ta’ finanzjament nazzjonali FUSION, li hu megħjun permezz ta’ fondi tal-Gvern u huwa mmexxi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).