“Intefqu madwar sitt miljuni u nofs ewro biex tiġi vvintata gidba bi skop malinn speċifiku: biex niġi politikament eliminat”. Din kienet ir-reazzjoni ta’ Chris Fearne, l-għada li rapporti fil-midja qalu li l-eks Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa kien vittma ta’ stejjer foloz ivvintati minn Steward Healthcare f’kampanja, li swiet il-miljuni u li fil-mira tagħha kien hemm dawk meqjusin bħala għedewwa tal-istess kumpanija.
Fuq il-midja soċjali, Fearne kiteb kif il-fatti żvelati huma prova ċara u konkreta li, bħala Ministru għas-Saħħa, dejjem kien sod fil-qadi ta’ dmirijietu lejn l-interess nazzjonali.
Żied jispjega kif dak li sejjaħ bħala ‘pjan malizzjuż’ sar f’żewġ stadji. Qal li l-ewwel għamlu li setgħu biex isibu l-ħmieġ dwaru u, “meta ma sabux, għax mhemmx, iffabbrikaw il-ħmieġ minn żniedhom”.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu mal-ġurnalisti t-Tnejn waranofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu dejjem kien konsistenti fil-pożizzjoni dwar Fearne, waqt li nsista li l-Gvern qed jitkellem mal-avukati tiegħu biex, jekk kien hemm xi flus li marru għall-allegat ħmieġ imsemmi mit-Times fuq kampanja ta’ stejjer foloz, dawk il-flus jiġu rkuprati.
Sadanittant l-eks Deputat Prim Ministru żied li dan il-frame-up mudlam, li sewa sitt miljun ewro, ipprova jwaqqfu milli jkompli jaqdi dmirijietu lejn il-pazjenti Maltin u Għawdxin u lejn il-pajjiż.
Fakkar kif meta dan il-ħmieġ ivvintat kien ippubblikat l-ewwel darba, kien mar minn jeddu għand il-Kummissarju tal-Pulizija u talbu jinvestiga, li, min-naħa tiegħu, kien ikkonkluda li din kienet storja vvintata mill-bidu sal-aħħar.
Chris Fearne temm billi qal kif illum se jerġa’ jmur għand il-Kummissarju biex jieħu passi kontra min kien li wettaq u ffinanzja dak li sejjaħ bħala “frame-up moqżież”. Fl-istess ħin qal li se jkompli jiddefendi u jikkonferma l-integrità tiegħu fil-qrati tal-ġustizzja.