Skopriet li binha għandu l-epilessija f’nofs ta’ lejl.
Wara li ħadnitu magħha u tfietlu d-dawl biex jorqod, binha ta’ 3 snin tah attakk tal-epilessija.
Ma’ crew ta’ ONE News, Robin Pinkston stqarret: “I shutted down, għedtlu goodnight u għamilli hekk fuq spallejja. Mill-ewwel irrealizzajt li kien seizure u ma kontx naf x’naqbad nagħmel.”
Pinkston kellmitna kif li l-isfidi li jaffaċċja mhux faċli u tħoss ħafna għalih. Hija fissret: “Dik l-anzjetà li toqgħod tgħid anke meta ħa terġa tiġi, x’nagħmlu jekk jista jmut jew le, dik kienet xi ħaġa li kellna bżonn bħala familja nitgħallmu kif ngħixu biha.”
F’Malta hawn mal-4,000 persuna li jbatu mill-epilessija u jeżistu 40 tip minnha.
L-epilessija hija kundizzjoni fis-sistema tan-nervituri tal-bniedem, fejn il-moħħ jibgħat messaġġi li mhux suppost.
Intant l-omm li tara lil binha jgħix fl-epilessija saħqet fuq t-teħid tal-mediċina b’mod immedjat. Robin kompliet tispjega: “Dik hija problema għandna bżonn nsolvuha. Għax suppost il-mediċini għandhom bżonn ħames minuti wara s-seizures. Mort niġri hemmhekk u tajtu l-mediċina. Imma dik mhix xi ħaġa sabiħa li tħoss dak il-piż.”
Saħqet fuq aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni li lejha tintefa’ ċertu stigma.
B’għafsa ta’ qalb qaltilna: “Kienu jibżgħu minnu jippruvaw biex imorru fuq in-naħa l-oħra tal-corridor biex ma jimxiex ħdejh f’każ li forsi ħa jkollu seizure.”
L-omm żiedet tgħid li sabet appoġġ qawwi mill-familja iżda mhux biss: “Jekk dejjem tħossok li għandek xi ħaġa moħbija f’ħajjtek dik hija piż li m’hemmx għalfejn iġorrha. Jiġifieri sib għajnuna u comfort min-nies l-oħrajn.”
L-Assoċjazzjoni tal-Epilessija fi ħdan Caritas Malta torganizza wkoll sessjonijiet ta’ taħdidiet bejn individwi li għandhom din il-kundizzjoni u qraba tagħhom. Wieħed jista’ jagħmel kuntatt ma’ din l-assoċjazzjoni fuq maltaepilepsy@gmail.com