Intagħżlet iż-żona fejn se ssir il-pixxina f’Marsaskala, li se tkun qed issir max-xatt. F’konferenza tal-aħbarijiet il-Perit tal-proġett, Janice Borg, spjegat li ż-żona ntgħażlet wara li saru numru ta’ studji li ddetterminaw li din hija l-aħjar żona biex fiha ssir il-pixxina.
Dan għaliex iż-żona hija l-aktar kennija minn fost dawk identifikati filwaqt li ż-żona tippermetti li jsir ukoll kumpless li fost oħrajn se jkun qed jinkludi restorant.
Ġie spjegat li wara li t-tender għall-proġett inħareġ, issa jonqos biss li l-proġett jiġi approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Konrad Muscat, rappreżentant minn Transport Malta spjega li l-irmiġġi tad-dgħajjes li bħalissa jinsabu f’din iż-żona se jiġu relokati.
Il-ħolma li Wied il-Għajn ikollu pixxina kienet ilha snin. U issa li ntagħżlet iż-żona, din il-lokalità u l-klabb tal-isport akwatiku jinsabu ftit passi bogħod milli jarawha titwettaq.