Persuni li jieħdu r-rata minima taċ-Childrens’ Allowance qed ikunu mitluba jibagħtu dokument ta’ kjarifika lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex ikun żgurat li dawn il-flus qed jintbagħtu għand min hu eliġibbli.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qal li dan huwa parti minn eżerċizzju ta’ verifika u jikkjarifika l-pożizzjoni li ttieħdet rigward il-pagamenti tal-Allowance tat-Tfal għal dawk li jitħallsu r-rata minima (flat rate) u li d-dħul tagħhom jaqbeż il-€25,045 fis-sena.
Fi stqarrija, id-Dipartiment spjega li minħabba li minn tliet snin ’l hawn id-Dipartiment m’għadux jibgħat eluf ta’ applikazzjonijiet kull sena lill-benefiċjarji biex jerġgħu japplikaw kif kien isir qabel, u minħabba l-fatt ukoll li l-pagamenti jidħlu direttament fil-kontijiet bankarji tal-benefiċjarji, inħasset il-ħtieġa li jintbagħat dokument li permezz tiegħu wieħed jaġġorna lid-Dipartiment bl-informazzjoni tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-pagamenti li qed isiru qegħdin verament imorru għand min huwa eliġibbli.
Id-Dipartiment qal ukoll li kull min ma rċeviex il-pagament ta’ Diċembru 2018 se jkun qed jieħu il-pagament hekk kif jibgħat dan id-dokument lid-Dipartiment. Il-pagament tal-allowance tat-tfal se jkompli jinħareġ mingħajr tnaqqis fil-pagament li jkun dovut u mingħajr interruzzjoni.
Dawn il-benefiċjarji għandhom bżonn biss illi jimlew din l-informazzjoni u jibgħatuha lid-Dipartiment; mhemm l-ebda bżonn ta’ dokumenti addizzjonali.
Min ma rċeviex dan id-dokument jew għal xi raġuni jew oħra ma jistax isibu jista’ jimla l-applikazzjoni tal-Allowance tat-Tfal online jew iżur wieħed mill-uffiċċji tad-Dipartimenti tas-Sigurtà Soċjali madwar Malta u Għawdex.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huwa obbligat li jagħmel dawn it-tip ta’ eżerċizzji. Sfortunatament, inqalgħu xi diffikultajiet ma’ ċertu nies li ma avżawx lid-Dipartiment bit-tibdil fiċ-ċirkostanzi li kellhom bħal tibdil ta’ indirizz, jew għal xi raġuni oħra ma rċevewx dan id-dokument, u allura id-Dipartiment ma kellux informazzjoni aġġornata.
Id-Dipartiment fakkaw ukoll li huwa fl-obbligu ta’ kull benefiċjarju li javża lid-dipartiment b’kull tibdil fiċ-ċirkostanzi tiegħu. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ anke jċempel fuq freephone 153.