‘INT KAPAĊI’ hija l-kampanja li tnediet fil-bidu ta’ Ġunju biex tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru f’pajjiżna.
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri, sostniet illi isem il-kampanja jagħti kuraġġ lil dawk li bħalissa għaddejin minn mumenti diffiċli u li ma jafux kif se joħorġu minnhom.
Hija spjegat: “Allura qed nipprovaw, semmejna l-kampanja Int Kapaċi, biex aħna qed ngħidu isma verament inti kapaċi, minnek jiddependi tieħu l-pass li itaffi l-problemi li qed tgħaddi minnhom għax huma affarijiet li jissolvew.”
Il-kampanja ‘INT KAPAĊI’ hija waħda edukattiva u tqajjem kuxjenza biex wieħed jagħraf ma’ min jagħmilha u kif jagħraf għal-liema relazzjoni jkun dieħel għaliha.
Friggieri sostniet: “Aħna li qed nipprovaw nagħmlu huwa li ngħinu lin-nies ikollhom relazzjonijiet aħjar u anke ngħinuhom jifmhu fejn iridu jmorru, xi jridu jagħmlu biex ikollhom relazzjonijiet aħjar għax finalment l-abbuż u l-vjolenza huwa riżultat ta’ relazzjonijiet fqar.”
Il-Kummissarju Friggieri sostniet illi ħafna drabi dawk li ma jirrikorrux għall-għajnuna tkun għax jaħsbu li huma kapaċi jerfgħu piż aktar minn dak li jifilħu.
Spjegat illi l-abbuż ma jarax ġeneru filwaqt illi ċertu problemi huma aktar komuni milli naħsbu: “Ġenitur iċċaħdu minn uliedu, iċċaħadha minn ulieda f’logħba ta’ poter hija kattiverja u hija komuni aktar milli naħsbu.”
Finalment, il-messaġġ tal-kampanja huwa wieħed ċar biex titaffa’ pjaga soċjali.
Hija qalet: “Nixtiequ li tkun xi ħaġa kontinwa, għaddejja. Il-messaġġ jibqa’ jasal kontinwament. Qegħdin ninvolvu persuni maħbubin minn nies, personalitajiet popolari magħrufa. Għandna atleti, politiċi, attivisti, artisti, kantanti, kittieba, nies magħrufa minn kull ambitu tal-ħajja biex kemm jista’ jkun nolqtu l-ikbar numru ta’ nies possibbli.”