Tistgħaġbux…u din is-sena iżjed tistagħġbux…għax iż-żmien itir u iva avolja għadu kif kien il-Milied, minħabba li ħafna festi se jiġu ċċelebrati kmieni, ħafna huma dawk li bħalissa anke f’dan il-ħin tal-lejl (22.58) jibdew jintasbu fl-imħażen iħitu jew jaraw x’għandhom mis-sena li ghaddiet. Avolja jmiss il-karnival qabel.
Nirreferu għad-dilettanti tal-Ġimgħa Mqaddsa għax tajjeb li wieħed jiftakar li apparti l-iskop reliġjuż, din il-festa hija marbuta ħafna mat-tradizzjonijiet minsuġa fil-karattru Malti. Maż-żmien din evolviet u bdiet tinkludi pageants li jsiru f’diversi rħula li saru popolari mmens u l-poplu jkun jistenniehom. Dawn jitqiesu bħala tradizzjonijiet ġodda ta’ żmienna.
Għalhekk huwa l-mument propizju biex wieħed jara għandux il-ħwejjeġ lesti, hemmx bżonn tiswijiet, xi żebgħa fuq xi sett għal xi dramm, jinġabru l-atturi tad-drammi fil-lokalitajiet u anke l-parroċċi nfushom jibdew jippjanaw il-kalendarju tagħhom.
Forsi mhux kulħadd jgħoġbu dan iż-zmien għax kif ngħidu għall-Milied, hemm min dan iż-żmien iżidlu d-diqa. Imma hemm bosta li jħobbuh. Ma trid xejn li xi ħadd ikun diġa’ beda jara xi film tal-passjoni. U ngħiduha kif inhi, bħal dan iż-żmien xahar inkunu diġa’ se nibdew ir-raba’ jum tar-Randan.
Infakkru f’dawn il-mumenti mhux biss biex inkunu qed nagħmlu xi ħaġa ripetuta ta’ kull sena, imma biex tradizzjonijiet Maltin jgħaddu wkoll minn ġenerazzjoni għall-oħra ghax huma parti mill-istorja tagħna li sawret lil pajjiżna hu kif inhu.
Ritratt: Knisja Arċimatriċi u Arċipretali ta’ Marija Bambina, Naxxar fi zmien il-Ġimgħa Mqaddsa.