L-ewwel t’April- il-jum li fih bosta kmamar tal-aħbarijiet jaqbdu mat-temi li jkunu qed iberrnu f’moħħ il-qarrejja, iżidu fatti eżaġerati, u jisperaw li jqajmu l-kurżità fost il-pubbliku.
Iċ-ċajt li sbaħna bihom dalgħodu kienu pjuttost realistiċi- bit-Times of Malta taqbad ma’ suġġett f’diskors in-nies bħalissa- l-elezzjoni ġenerali. It-Times qalet li l-Prim Ministru se jsejjaħ elezzjoni f’Awwissu għax is-sondaġġi li qed isiru qed ipoġġu lill-Partit Laburista fuq quddiem, b’maġġoranza ta’ erbgħin elf vot. Maġġoranza li attribwixxewha għall-figura impekkabbli li Muscat u l-gvern qed jaqtgħu waqt il-Presidenza. S’hemmhekk setgħet kienet aħbar plawżibbli.
Iżda f’tentattiv li l-qarrejja ma joħduhiex daqshekk bis-serjetà t-Times tefgħet botti bħal li l-elezzjoni ssir fil-ġimgħa ta’ Santa Marija, u li membru tal-kabinett fetaħ kont il-Panama waqt iż-żjara tar-Reġina f’Malta bl-isem Lirpa Loof – April fool bil-maqlub. Filwaqt li qalu li s-sistema tal-votazzjoni se tinbidel biex in-nies jivvotaw bil-mobile minn postijiet strateġici bħal bajjiet u min-nofs l-istabbilimenti ta’Paceville.
The Malta Independent minn naħa tagħha irrapurtat li l-gvern għandu pjan li jgħaqqad il-Belt Valletta u l-Kottonera b’pont biex jittaffa t-traffiku. Qalu li għandu jkun lest sal-2021, u se jkun għoli tnejn u għoxrin sular biex jgħaddu l-cruisliners minn taħtu. Forsi kien in-nuqqas t’element eżaġerat li fixkel lill-qarrejja, anka peress li l-Prim Ministru qed jisħaq ħafna fuq proġetti infrastrutturali ġodda, fosthom il-pjan ta’ pont bejn il-gzejjer Maltin- għalhekk ma ntukomx tort jekk waqajtu għaliha.
U jekk l-Independent kellhom nuqqas t’eżaġerazzjoni fil-ħrafa, mhux l-istess jista’ jingħad għaċ-ċajta ta’ newsbook, li rrappurtaw li l-famuż sejf ta’ La Vallette, li jinsab f’ pajjiżna, insteraq minn grupp ta’ nies li ngħaqdu fuq facebook biex is-sejf żgur jibqa’ Malta u ma jingħatax lura lill-Franċiżi.
Iċ-ċajta goffa ta inewsmalta.com qajmet l-agħa, iżda mhux għar-raġunijiet it-tajba, tant li s-sit neħħa l-aħbar wara ftit u avżaw li kienet biss ċajta. Inews kitbu li f’Buġibba kienu arrestati għaxar persuni b’ konnessjoni mal-ISIS u li fl-appartament tagħhom instab l-isplussiv.
Forsi uħud minnkom marru saħansitra ixerrdu l-aħbar mingħalihom li vera, sakemm inġibditilkom l-attenzjoni li waqajtu għaċ-ċajta!