Mal-elfejn pazjent bid-dijabete se jirċievu l-insulina mingħajr ħlas hekk kif din il-mediċina daħlet fil-formularju tal-Gvern.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fisser kif din hija miżura li l-pazjenti bid-dijabete se jiffrankaw l-ispejjeż.
“Mill-Ħamis illi ġej li hija l-ġurnata tad-dijabete, din l-insulina se tkun fuq il-formularju tal-Gvern u available għall-pazjenti kollha illi għandhom bżonnha. Kemm dawk li huma type 1 diabetics kif ukoll type 2. Li tfisser illi l-Gvern se jkun qed jonfoq mat-tmien mitt elf ewro fis-sena żejda imma jfisser li dawn l-eluf ta’ pazjenti jkunu jaċċessaw din il-mediċina li għandhom bżonn.”, qal il-Ministru Fearne.
B’din il-miżura se jitwessgħu l-listi ta’ mediċini b’xejn għall-kura tad-dijabete fuq il-formularju tal-Gvern.
Fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi Chris Fearne rrefera wkoll għall-miżuri li permezz tagħhom servizzi marbuta mad-dijabete qegħdin jinħarġu mill-Isptar Mater Dei u jkunu provduti fiċ-Ċentri tas-Saħħa li f’kull waħda minnhom hemm Klinika tad-Dijabete.
Dan bil-għan li s-servizzi jkun qalb il-komunità.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana qed jingħata servizz ta’ eċċellenza fejn jirrigwarda d-dijabete fl-għajnejn.
“Ħriġna s-servizzi fil-komunità biex inkunu nistgħu nevitaw kemm jista’ jkun il-kumplikazzjonijiet kawżati mid-dijabete, bħalma huma kumplikazzjonijiet fl-għajnejn, il-qalb, nervituri, kliewi u saqajn,” qal il-Ministru għas-Saħħa.
Dan apparti il-Konsulent tad-Dijabete dedikat speċifikament għas-servizzi fil-komunità, liema servizz se qed jiżdied b’Konsulent ieħor minn Jannar li ġej.
Mis-sena d-dieħla, id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li se tiddaħħal sistema ta’ monitoraġġ għal tfal biz-zokkor.
Din is-sistema se titħaddem bl-intelliġenza artifiċjali fejn il-Gvern mhux se jagħti biss il-patches lil persuni bid-dijabete imma anki se joffri għodda innovattiva biex jiffaċilità aħjar ħajjet dawn il-persuni li jkunu jeħtieġu jħarsu l-livell taz-zokkor kontinwament.