Waqt li dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-każ tas-serqa tad-droga mill-barracks tas-suldati f’Ħal Safi, ġie żvelat mill-Pulizija tal-Forensika li, b’kollox l-ammont kien ilaħħaq il-132 kilogramma ta’ kannabis u mhux 226 kilogramma kif kien irrapportat inizjalment.
Fi proċeduri separati, is-sitt persuni akkużati qed jiġu akkużati bis-serqa fis-satra tal-lejl nhar it-23 ta’ Frar li għadda, li assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħrajn biex din tiġi ttrafikata, li żammewha għandhom, li biegħuha u li kisru diversi sentenzi tal-Qorti.
L-akkużati huma Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Yousef Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar, l-aħwa Carlos Pace ta’ 23 sena u Cleaven Pace ta’ 19-il sena, it-tnejn mill-Marsa, Liam Stewart ta’ 23 sena minn Tal-Pietà u Christa Gauci ta’ 21 sena mis-Sannat, Għawdex.
Fost l-oħrajn, qed jixhdu għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija.
Waranofsinhar xehed l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud li qal li l-ewwel li ġie arrestat kien Sean Attard għall-ħabta tas-1:00 ta’ filgħodu tat-Tlieta fejn fil-garaxx mikri lilu nstabu l-ewwel 35 pakkett tad-droga.
Mat-33 kilogramma oħra nstabu għand Carlos Pace, filwaqt li ħames kilogrammi oħrajn kienu fil-pussess ta’ Liam Stewart. Essesi informa u indika lill-Pulizija f’għalqa f’San Ġwann fejn kien basket b’għaxar pakketti oħrajn.