“Who by Fire”, l-installazzjoni akustika li għamlet parti mill-programm ta’ wirjiet kulturali fil-Valletta elfejn u tmintax ġien innominata għall-premju prestiġġjuż magħruf bħala Leading Culture Destinations Award.
Kull sena dan il-premju jitfa’ dawl fuq l-aqwa destinazzjonijiet kulturali stabbiliti mad-dinja kollha u jagħti ħarsa lejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li għandhom l-iktar proġetti li jħallu impatt.
Id-direttur tal-Valletta 2018 Catherine Tabone f’kumment ma’ One News tkellmet dwar din il-wirja viżiva mill-artista Skoċċiża Susan Philipsz li dan l-aħħar rebħet ukoll il-Premju Turner.
“Who by Fire” tittratta l-ħoss ta’ qanpiena navali u li permezz tagħha viżitaturi jistgħu jiskopru l-Belt Valletta minn taħt l-art.
Il-fondazzjoni Valletta 18 fetħet dawn iċ-ċisterni, irranġathom b’mod li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku u inkludiet fihom installazzjoni li llum il-ġurnata ġiet nnominata għal dan il-premju prestiġġjuż.
Madankollu dan ma kienx proġett faċli hekk kif iċ-ċisterni kienu jinvolvu ħafna xogħol sabiex ikunu addatti għal ħafna żjajjar mill-pubbliku.
Ix-xogħol kien kbir għaliex ovjament kellu joħroġ il-ħama u l-ħmieġ kollu li kien inġabar hemmhekk tul diversi snin u ma kienx ammont ta’ snin żgħir.
Is-Sinjura Tabone esprimiet il-ferħ tagħha għal din in-nomina tant prestiġjuża filwaqt li tkellmet dwar premju ieħor li l-fondazzjoni kisbet riċentament.
Il-kwalitá tal-programm kulturali tagħna ġiet mgħotija il-premju ta’ Melina Mercouri ta’ miljun u nofs ewro għall-kwalitá tal-avvenimenti u l-inizjattivi kulturali li fih.
Iċ-ċerimonja se tittella’ f’Londra, f’Settembru li ġej.