Il-kumpanija Crane Currency investiet €1 miljun fl-installazzjoni ta’ solar farm fuq skala kbira.
Il-pannelli solari ġew installati fuq is-saqaf tal-impjant tal-istampar tal-karti tal-flus f’Ħal Far, u huma mifruxa fuq total ta’ 6,500 metru kwadru. Dan l-investiment mistenni jnaqqas madwar 690 tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-atmosfera kull sena.
F’termini ta’ enerġija, qed jiġi stmat li se jiġu ġġenerati ‘l fuq minn 1,519,000 kWh kull sena, li huwa ekwivalenti ta’ kemm enerġija tintuża minn 378 dar f’Malta matul sena sħiħa.
Dak li jiddistingwi lil dan is-solar farm huwa l-fatt li hi l-ewwel installazzjoni f’Malta li fiha sistema ta’ tindif semiawtonoma. Meta l-pannelli solari jkunu dejjem nodfa, dawn jiġġeneraw dejjem rati massimi ta’ effiċjenza fl-enerġija u b’hekk jipproduċu l-ogħla rendimenti ta’ enerġija possibbli.
Crane Currency kienet inawgurata uffiċjalment fl-2018, b’investiment ta’ mitt miljun ewro.