F’Għawdex ġew installati tmien AED stations ġodda u qed isir titjib fl-istazzjonijiet eżistenti. Fost il-postijiet fejn ġie installat dan l-appart ta’ Automated External Defibrillators huma fil-Ministeru għal Għawdex, fil-venda ta’ tal-linja fir-Rabat u fil-bajjiet ta’ Ħondoq ir-Rummien, ir-Ramla l-Ħamra u fix-Xlendi.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, li ġiet indirizzata mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li qal li dan kien possibbli wara li l-Ministeru ffirma ftehim mal-għaqda volontarja Malta Rescue Corps.
Il-Ministru Camilleri tenna li l-Gvern dejjem ta sostenn u kommess li jkompli jagħti s-sostenn tiegħu għal inizjattivi bħal dawn għall-ġid tar-residenti Għawdxin u tal-viżitaturi.
“Bl-arranġament bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Malta Rescue Corps qegħdin ninstallaw numru ta’ AEDs madwar il-gżira Għawdxija, b’mod partikolari fil-postijiet l-aktar frekwentati min-nies u dan proprju biex jekk jinqala’ ħtieġa u jekk jinqala’ l-bżonn ikun l-apparat neċessarju biex tkun tista’ tingħata mal-ewwel, l-ewwel għajnuna proprju mill-persuni fil-viċinanzi.”
Il-Ministru Clint Camillleri
Il-Malta Rescue Corps se jkunu qed jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ta’ dawn l-AEDs bl-għajnuna finanzjarja tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Rescue Corps Etienne Micallef tkellem dwar l-importanza ta’ dan l-apparat u spjega kif għandu jintuża.
“Din hi biex nilħqu aktar in-nies f’każ ta’ God forbids ikun hawn sudden cardiac arrest. Ta’ min jgħid li kellna collaboration tajba mal-Ministeru ta’ Għawdex u qegħdin jirnexxielna nilħqu ħafna postijiet madwar il-gżira.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Rescue Corps Etienne Micallef