Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabret inizjattiva u investiment ġdid bħala parti mill-istrategija ta’ EkoGħawdex. Madwar Għawdex kollu bdew jiġu installati 50 stand tar-roti f’postijiet strateġiċi f’Għawdex fejn kull min juża r-rota jkun jista’ jorbotha magħhom. L-istands ivarjaw fid-daqs u kull waħda tieħu bejn ħames u għaxar roti. Dan dejjem skont il-bżonn tal-post fejn twaħħlu.
Justyne Caruana qalet li inizjattivi bħal dawn għandhom iktar minn użu wieħed għaliex filwaqt li qed noffru l-faċilitajiet għal dawk li jagħżlu li jużaw rota bħala mezz ta’ transport, inkunu qed nippromwovu l-użu stess tar-roti. Dan iffisser allura li qed nippromwovu ħajja iktar sana permezz tal-eżerċizzju imma wkoll għaliex inkunu qiegħdin ngħinu biex jonqos l-użu tal-vetturi u allura inqas konġestjoni tat-traffiku, inqas dħaħen u inqas strobju. Dan fih innifsu jwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar mhux għal min juża r-rota biss imma għall-komunità b’mod ġenerali.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-iskop ta’ EkoGħawdex huwa appuntu dan fejn l-għan aħħari hu l-promozzjoni ta’ Għawdex bħala gżira ekoloġika u inizjattivi simili itejbu kemm l-ambjent ta’ Għawdex, kif ukoll jwasslu għal ħajja iktar serena.
Id-Direttur ta’ EkoGħawdex, Vicky Xuereb, spjegat kif il-postijiet fejn ser jeħlu l-istands ġew magħqbula mal-Kunsilli Lokali. Hi sostniet kif dawn l-istands ser joffru post sigur fejn wieħed jista’ jħalli r-rota sa x’ħin ikun jagħmel il-qadi tiegħu jew idur madwar il-lokalità.
Dan il-proġett huwa ffinanzjat kollu mill-EcoGozo Regional Development Directorate fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u jikkumplimenta l-viżjoni ta’ EcoGħawdex għal din il-gżira.
Ritratt: MGOZ