Il-Bank of Valletta ħabbar li laħaq ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul li minnu, l-impjegati, ir-residenti u l-qraba tagħhom se jibbenefikaw minn għadd ta’ servizzi bankarji u minn ATM ġdida li ġiet installata fil-binja tal-istess faċilità.
Il-popolazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul qegħda dejjem tikber, tant li bħalissa din hija d-dar ta’ ‘l fuq minn 1,300 resident, u timpjega iktar minn 3,000 ruħ. Ma’ dawn jiżdiedu madwar 500 viżitatur kuljum bejn familjari, u qraba tar-residenti, kif ukoll iktar minn 8,000 persuna anzjana li matul is-sena jieħdu l-kura mill-Isptar tal-Ġerjatrija fil-Kumpless Rużar Briffa.
Il-kollaborazzjoni bejn il-Bank u San Vinċens de Paul se twassal ukoll biex l-impjegati tal-faċilità jingħataw pakkett ta’ valur miżjud li minnu jibbenefikaw minn rati preferenzjali fuq bosta servizzi u prodotti tal-Bank. Dawn it-tipi ta’ pakketti jiġu negozjati ma’ bosta kumpaniji u organizzazzjonijiet mit-taqsima tal-Business Development tal-BOV.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-ATM il-ġdida f’San Vinċens de Paul, il-Kap fit-taqsima tar-Retail Network tal-BOV, is-Sur Geoffrey Ghigo, esprima gratitudni lejn it-tmexxija tal-Faċilità, għall-fiduċja tagħhom fil-Bank of Valletta. “Minn dejjem konna meqjusa bħala l-Bank li għandu għall-qalbu l-komunità, u b’din il-kollaborazzjoni qed nilħqu komunità oħra li tmur lil hinn mill-eluf ta’ resident li jgħixu hawnhekk. Qed nilħqu wkoll lill-qraba tagħhom u lit-tobba, infermiera, carers u tant ħaddiema oħra li jaħdmu b’tant dedikazzjoni għall-kura tal-anzjani”.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità ta’ San Vinċens de Paul, Dr Josianne Cutajar, irringrazzjat lil Bank of Valletta talli laqa’ l-appell f’isem il-komunità tar-residenti. “Nemmnu li l-installazzjoni ta’ din l-ATM hija ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha, sew għalina u anke għall-BOV. Minn naħa din tikkumplimenta l-mudell olistiku tagħna li naqdu lill-komunità tagħna billi noffrulhom aċċess dirett għal flushom, u min-naħa l-oħra ninsabu konxji li l-BOV qed jilħaq il-miri Soċjali Korporattivi tiegħu billi jgħin lis-soċjeta in ġenerali.”
Waqt l-inagurazzjoni, il-BOV kien rappreżentat mill-Kap tar-Retail Network, is-Sur Geoffrey Ghigo u mis-Sur Dione Micallef, maniġer fl-istess dipartiment. Preżenti wkoll kien hemm is-Sur Dipak Chouhan u s-Sur Silvio Cassar mit-taqsima tal-Business Development.
Għall-Faċilità ta’ San Vinċens de Paul kienu preżenti, il-Kap Eżekuttiv, Dr Josianne Cutajar, il-Planning & Social Care Advisor Dr James Carabott u d-Direttriċi tal-Operat, is-Sa Karen Muscat.