Ir-regolaturi Irlandiżi mmultaw lil Instagram somma ta’ €405 miljun ewro wara ksur ta’ privatezza ta’ dettalji ta’ tfal li kellhom profil fuq din il-pjattaforma.
Dan minħabba li dawn it-tfal kienu jibdlu t-tip ta’ profil li kellhom għal dak ta’ negozju biex jaċċessaw informazzjoni dwar min jara l-profil tagħhom, mingħajr ma ndunaw li taw aċċess għal aktar informazzjoni fuqhom privata.
In-numri tal-mobile u l-indirizzi elettroniċi tagħhom huma fost l-aktar tipi ta’ informazzjoni li ġew imxerrda b’dan il-mod.
Is-sidien ta’ Instagram, li għandhom ukoll Facebook fost pjattaformi oħra, Meta, qalu li se jappellaw din il-multa.
Huma qalu kif tfal taħt it-tmintax-il sena b’mod awtomatiku jkollhom il-profil tagħhom privat li, fost l-oħrajn, jħallihom biss jagħmlu kuntatt ma’ persuni li jsegwu huma filwaqt li ritratti li jtellgħu ma jidhrux lil min ma jsegwix lilhom.
Madanakollu, huma qalu kif għalkemm qegħdin jikkoperaw bis-sħiħ fl-inkjesta li qed issir mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data Irlandiż, huma ma jaqblux mal-mod ta’ kif il-multa ġiet ikkalkulata u b’hekk mistennija li jappellaw din id-deċiżjoni.
Din kienet l-ogħla multa li qatt tat din l-istituzzjoni Irlandiżi li qabżet lil dik mogħtija lil WhatsApp is-sena li għaddiet li kienet tgħodd il-€225 miljun.