L-armata Niġerjana qiegħda tgħid li nstabet it-tieni tifla minn mitejn li kienu nħatfu minn skola minn grupp ta’ militanti fin-Niġerja sentejn ilu. Iżda rappreżentant tal-ġenituri ta’ dawk maħtufa xeħtu dubju dwar kemm fil-fatt dik li nstabet hix waħda minn dawk li kienu nħatfu minn skola sekondarja, għax isimha mhux fil-lista ta’ dawk li għebu skont il-familja.
It-tfajla jisimha Serah Luka u kienet waħda minn 97 mara u tfal li ġew salvati minn truppi fil-Grigal tan-Niġerja. F’din l-operazzjoni nqatlu 35 terrorist tal-Boko Haram u ttieħdu diversi armi u munizzjon.
Jumejn ilu insabet l-ewwel tfalja, Amina Ali Nkeki, li għandha 19-il sena. Hija nstabet b’tarbija ta’ erba’ xhur, li preżentatha lill-President Muhammadu Buhari.