Fl-Ingilterra, instab katavru fi xmara qrib fejn sparixxiet mara Ingliża ta’ 45 sena. Il-mara, Nicola Bulley, għebet waqt li kienet qed timxi mal-kelb tagħha f’St Michael’s on Wyre f’Lancashire, u b’hekk qanqlet tfittxija kbira.
Ma’ Sky News, is-sieħeb tagħha Paul Ansell qal il m’għandu “l-ebda kliem bħalissa, imma agonija biss”.
Nicola Bulley, li kienet taħdem bħala konsulent dwar l-ipoteki, dehret l-aħħar timxi bl-ispringer spaniel tagħha Willow, wara li wasslet liż-żewġt ibniet tagħha l-iskola, nhar is-27 ta’ Jannar. Uliedha għandhom sitt u disa’ snin.
Ilbieraħ il-Pulizija ta’ Lancashire qalet li “sfortunatament irkuprat ġisem” mill-ilma wara li ssejħet fix-Xmara Wyre. Fi stqarrija ntqal li l-identifikazzjoni formali kienet għadha ma saritx, u għalhekk għadhom ma stabilixxewx jekk il-katavru hux tagħha.
Il-mewt bħalissa qed tiġi ttrattata bħala waħda “mhux spjegata” u l-uffiċjali bdew il-proċess biex jidentifikaw il-katavru.